L-Ewwel ta’ Mejju dejjem kien jum li jfakkarna fil-ħaddiem u min aħna u għal xiex inqumu ta’ kuljum. Iżda għalija, din is-sena għandha tifsira aktar profonda. Dan ser ikun l-aħħar messaġġ tiegħi bħala Segretarju Ġenerali, u għalhekk inħoss il-bżonn li naqsam magħkom mhux biss riflessjoni, iżda wkoll emozzjoni li ġejja minn qalbi.
Meta ġejt afdat b’din ir-responsabbiltà, kont naf li mhux ser tkun triq faċli. Imma kont konvint minn ħaġa waħda: li l-ħaddiem Malti jistħoqqlu aktar u li flimkien stajna nilħqu l-aspirazzjonijiet tal-membri tagħna u l-ħaddiema kollha. U flimkien, għamilna dan u ksibna ħafna. Rajna titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, saħħaħna l-ftehim kollettivi, daħħalna vuċi aktar b’saħħitha fuq livell nazzjonali, Ewropew u Internazzjonali u żammejna lill-ħaddiem fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet. Ħdimna biex jidħlu ligijiet ġodda, konna protagonisti f’żidiet tal-paga minima, tal-ħaddiema tal-pjattaforma, tal-ħaddiema tal-kuntrattur. Iffaċċjajna sfidi kbar, iżda dejjem konna magħqudin. Meta l-ħaddiema jkunu magħqudin, dejjem jirbħu.
Iżda llum ma nistax ma nsemmix ukoll il-mumenti diffiċli. Kull sensja li esperjenzajt kienet wegħġa kbira għalija. Kull abbuż li rajt u missejt b’idejja kien weġgħa oħra. Kif tista’ qatt tabbuża minn bniedem meta dan qed jiġi jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Kull inċident fuq il-post tax-xogħol kien dieqa għalija. Ħadd ma għandu jmur għax-xogħol u ma jmurx lura għand il-familja tiegħu.
Insemmi wkoll il-kalvarju li għaddejna minnu l-uffiċċjali u l-ħaddiema kollha tal-General Workers’ Union. Il-kawża biex jitteħdilna l-bini tagħna ma kinitx biss battalja legali, kienet sfida diretta għall-ħaddiem, għall-identità u l-istorja tagħna. Dan il-bini mhuwiex biss ħitan; huwa simbolu ta’ ġenerazzjonijiet ta’ ħaddiema li qamu, tkellmu u ġġieldu għad-drittijiet tagħhom. U jekk hemm xi ħaġa li tgħallimna minn din il-kawża, hija li l-ġlieda tagħna qatt ma tieqaf iżda lanqas ir-rieda u l-kuraġġ tagħna li niddefendu dak li hu tagħna.
Illum qed ngħixu f’dinja tax-xogħol li qed tinbidel b’pass mgħaġġel. L-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġija u mudelli ġodda ta’ xogħol qed joħolqu opportunitajiet, iżda wkoll inċertezzi kbar. Il-ħaddiem qed jaffaċċja sfidi ġodda: minn mudelli ta’ impjiegi ġodda, għal pressjonijiet akbar biex inkunu effiċjenti, u kultant anke abbużi li ma għandhomx post fis-soċjetà tagħna. Kull każ fejn ħaddiem jiġi sfruttat jew trattat b’mod inġust huwa tfakkira li l-ġlieda tagħna għadha relevanti aktar minn qatt qabel. Huwa importanti li fit-tibdil kollu li qed iseħħ, il-ħaddiem jibqa’ ċ-ċentru tad-dinja tax-xogħol. Ix-xogħol għandu jagħti dinjità lil-ħaddiem.
Hawnhekk tidħol l-importanza tal-unions. Trade union mhijiex biss struttura; hija forza kollettiva. Hija l-vuċi ta’ min waħdu ma jinstemax. U għalhekk nibqa’ nemmen bis-sħiħ li l-ħaddiem għandu jibqa’ magħqud. Għax meta ninqasmu, nitilfu; imma meta nibqgħu flimkien, nibnu futur aħjar.
Il-General Workers’ Union mhijiex biss l-akbar trade union f’Malta imma hija moviment. Hija tarka għal dawk l-aktar vulnerabbli fuq il-post tax-xogħol, u mutur ta’ bidla għall-ġustizzja soċjali. U jien konvint li, bl-amministrazzjoni ġdida, is-segretarji u l-uffiċjali kollha tagħha, din l-għaqda se tkompli tikber, timxi ’l quddiem u tkompli tkun pilastru b’saħħtu fis-soċjetà Maltija.
Inħalli din il-kariga b’sens qawwi ta’ sodisfazzjon, iżda wkoll b’fiduċja kbira fil-futur. Għax il-ġlieda mhijiex ta’ persuna waħda, hija ta’ kulħadd. U naf li din se tkompli, aktar b’saħħitha minn qatt qabel. Nieħu l-opportunità li nirringrazzja lill-uffiċċjali kollha li ħdimt magħhom matul is-snin. Il-bidliet li ksibna kienu s-suċċess tagħna kollha. Iż-żmien li għamilt nimmilita fil-Union se jibqa’ f’qalbi sal-mewt. Twelidt trejdunjonista u mmut trejdunjonista.
F’dan l-Ewwel ta’ Mejju, ejjew infakkru mhux biss dak li ksibna, iżda wkoll dak li għad irridu niksbu. Ejjew nibqgħu magħqudin, determinati u kuraġġużi.
Għax il-ġustizzja ma tingħatax iżda tinkiseb.
U flimkien nistgħu niksbu aktar.
Viva Jum il-Ħaddiem, Viva l-General Workers’ Union.


