“Nista nagħti garanzija ta’ stabbiltà u serħan il-moħħ. Dan għaliex il-finanzi tal-pajjiż jiflaħ li jibqa’ jagħti l-għajnuniet b’saħħithom illi ngħataw matul dawn l-aħħar snin. Naturalment dawn l-għajnuniet qegħdin jiżdiedu”.
Dan iddikjarah il-Prim Ministru Robert Abela f’kumment li ta dan il-ġurnal hekk kif saqsejnieh dwar jekk jinkwetahx il-fatt li l-prezz internazzjonali taż-żejt jinsab fl-ogħla livell bħalissa.
Il-Prim Ministru rrimarka li din hija realtà straordinarja, fejn hemm il-fatt li kien hemm żieda fil-prezz hekk kif dan tela’ għal $126-il barmil, l-ogħla mill-2022.
Dr Abela saħaq; “Imbagħad taqbad magħha kumplikazzjoni ikbar, dik tal-provvista. Mela għandek splużjoni fil-prezz li naturalment hija wkoll kkaġunata minn nuqqas ta’ provvista imma n-nuqqas ta’ provvista fiha nnifisha hija meta tara pompi tal-petrol fi stati membri tal-Unjoni Ewropea magħluqin għax m’għandhomx fjuwils”.
Enfasizza fuq il-fatt li f’dan il-pajjiż taħt it-tmexxija tal-Ministru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u nies tekniċi flimkien mat-tmexxija tal-Enemed, Malta ħasbet biex tkun preparata għal kull kontinġenza; petrol, dijżil, il-gass li jintuża għall-power station u dak kollu li jintuża biex titħaddem is-settur tal-enerġija.


