Saturday, December 21, 2024

Installata sistema tad-dawl aktar moderna u sostenibbli fi Spazju Kreattiv

Aqra wkoll

Spazju Kreattiv installa sistema tad-dawl aktar moderna u sostenibbli bl-użu ta’ LEDs b’investiment ta’ aktar minn €200,000. Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza l-importanza ta’ din l-inizjattiva. “Din l-inizjattiva timmarka avvanz sinifikanti kemm fir-responsabbiltà ambjentali kif ukoll fl-innovazzjoni teknoloġika f’dan it-teatru.

Din l-inizjattiva mhux biss tagħti eżempju ta’ kif nistgħu nnaqqsu l-impatt ambjentali tagħna, iżda wkoll turi l-impenn tas-settur lejn teknoloġiji ġodda li jistgħu jagħmlu d-differenza,” qal il-Ministru Owen Bonnici.

Min-naħa tiegħu, ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai qal, “Din it-tranżizzjoni għal sistema tad-dawl kompletament ibbażata fuq LEDs tirrifletti l-impenn tagħna lejn is-sostenibbiltà u l-eċċellenza”.

“Bl-adozzjoni ta’ din it-teknoloġija avvanzata, mhux biss qed innaqqsu b’mod sinifikanti l-konsum tal-enerġija iżda qed insaħħu wkoll l-esperjenza tad-dawl kemm għall-artisti kif ukoll għall-udjenzi. Mingħajr ebda dubju, t-teatru tagħna issa għandu l-aktar sistema tad-dawl avvanzata u moderna.”

L-inizjattiva hija parti mill-isforzi usa’ tal-Fondazzjoni biex tnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li ttejjeb l-esperjenza għall-udjenzi tagħha.

Oriġinarjament id-dawl tal-palk kien ibbażat fuq il-bozoz tal-aloġenu, li jikkonvertu kważi 80% sa 90% tal-enerġija fi sħana, u dan kien qed iwassal għal konsum għoli tal-enerġija. Peress li tirrikonoxxi l-importanza ta’ prattiki sostenibbli, t-tmexxija ta’ Spazju Kreattiv wettqet proġett komprensiv biex tissostitwixxi l-bozoz tal-aloġenu kollha b’installazzjonijiet LED moderni u effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Il-bozoz LED joffru diversi benefiċċji meta mqabbla mal-bozoz tal-aloġenu, inkluż li jdumu sa 10 darbiet iktar u jikkunsmaw madwar 85% inqas enerġija. Din l-effiċjenza mhux biss tnaqqas l-użu tal-enerġija tat-teatru iżda timminimizza wkoll in-numru ta’ installazzjonijiet meħtieġa biex jdawlu l-istess spazju.

Ekonomija

Sport