Wara li jumejn ilu rebħu lil Udinese bl-iskor ta’ 2-1 barra minn darhom, Inter ikkonfermaw id-dominju tagħhom fis-serie A meta fetħu 14-il punt vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom AC Milan u 20 punt fuq it-tielet tim Juventus.
Inter daħlu wkoll fl-istorja minħabba li saru t-tieni tim Taljan li kisbu 82 punt wara l-ewwel 31 logħba tal-kampjonat. Kienu Juventus li għamlu ftit aħjar minnhom meta kienu kisbu 84 punt fl-istaġun 2018/19. Dak it-tim kien ukoll immexxi minn Massimiliano Allegri li dak iż-żmien mhux biss rebaħ il-kampjonat iżda anke s-Super Cup Taljana bi Cristiano Ronaldo li kien skorja 28 gowl fi staġun sħiħ.