Sunday, December 22, 2024

“Inti għandek dritt li tgħix f’ambjent li ma joqtlokx”

Aqra wkoll

Waqt dibattitu pubbliku dwar l-ambjent bħala dritt tal-bniedem f’Dar l-Ewropa, il-MPE Engerer innota li mingħajr ambjent san, is-saħħa tal-persuna tbati wkoll, u għalhekk tiddeterjorja l-kwalità tal-ħajja.

Huwa qal li fil-Parlament Ewropew qed issir ħidma sabiex dan id-dritt jiddaħħal fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, u possibilment bħala parti mir-riforma tat-Trattati tal-Unjoni. Huwa tal-fehma wkoll li l-ħidma tista’ ssir b’mod proattiv fejn Malta tista’ tbiddel il-kostituzzjoni tagħha u ddaħħal id-dritt għall-ambjent san, u b’hekk tkun lider fl-Ewropa f’dan kif inhi fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ.

Il-MPE Engerer kien intervistat mill-moderatriċi Claire Agius Ordway u rrisponda wkoll mistoqsijiet mill-pubbliku. Huwa tkellem dwar il-ħidma tiegħu fil-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali. Tkellem ukoll dwar il-ħidma tiegħu fil-Kumitat Speċjali kontra l-kanċer fejn riċerka analizzata wriet li l-kanċer jista’ jitnaqqas b’40%, u dan il-għan iddaħħal bħala bażi tal-ħidma ta’ kull Kumitat.

Huwa tkellem ukoll dwar il-libertajiet ċivili, l-ugwaljanza, is-saħħa mentali, is-sitwazzjonijiet ta’ persuni LGBTIQ, u l-aċċess għall-mediċini inkluż il-ħidma tiegħu għal deroga temporanja biex f’Malta jibqa’ jkun hemm aċċess għall-mediċini mir-Renju Unit. 

Il-MPE Engerer ħeġġeġ azzjoni fuq diversi livelli, nazzjonali, Ewropew u anke individwali permezz tal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.
Hu enfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej, biex ninfluwenzaw lid-direzzjoni tal-Ewropa: “Bil-vot tagħna nkunu anke qed niddeterminaw min se jmexxi l-Unjoni Ewropea u xi triq politika din se tieħu fis-snin li ġejjin.”

Id-dibattitu kien interpretat fil-lingwa tas-sinjali u xxandar f’diretta onlajn fuq il-midja soċjali tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Dan kien wieħed minn serje ta’ avvenimenti li qed jiġu organizzati mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta biex jinfurmaw u jiddiskutu mal-pubbliku dwar ix-xogħol tal-Parlament Ewropew u tal-MPE Maltin hekk kif il-leġislatura attwali ta’ ħames snin qed tasal fi tmiemha din is-sena. Huwa wkoll parti mill-inizjattiva flimkien.eu tal-PE. Id-dibattitu pubbliku li jmiss se jkun mal-MPE David Casa dwar il-Karta Ewropea tad-Diżabilità fid-9 ta’ Frar fil-17.00 f’Dar l-Ewropa.

Ekonomija

Sport