Thursday, April 18, 2024

INVESTIMENT FID-DIĠITALI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Fl-Istati Uniti, l-President Joe Biden qed iħeġġeġ investimenti qawwija fis-setturi diġitali. Irid li l-pajjiż jerġa’ jikseb il-kapaċità teknoloġika sħiħa (jekk qatt tilifiha) biex mit-territorju stess tiegħu jkun jista’ jipprovdi l-aqwa għodod teknoloġiċi li jservu għat-tiġdid tas-setturi industrijali Ameikani. L-għan hu li biex l-industriji jinqdew b’dawn l-għodod ma jkollhomx għalfejn jikkuntrattaw ma’ ditti barranin.

Fl-Unjoni Ewropea, għaddej sforz qawwi immexxi mill-Kummissjoni Ewropea biex fuq front wiesa’,  jsiru investimenti u titmexxa politika li tagħmel lill-Unjoni potenza diġitali ewlenija. Liġijiet ġodda u strinġenti Ewropej qed jitmexxew ’il-quddiem waqt li parti sostanzjali ta’ flus disponibbli (bħal fil-Fond ta’ Irkupru u Resiljenza) qed jiġu dedikati għal proġetti diġitali.

Hawn Malta f’dal-qasam ittieħdu miżuri sinjifikattivi li jsostnu l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali. Minn dak li jmissu mill-Fond ta’ Irkupru u Resiljenza, pajjiżna se jkun qed jiddedika parti qawwija lid-diġitali. Madankollu nibża’ li għad irridu naħdmu wisq aktar biex ikollna politika diġitali komprensiva li sservi wkoll ħalli aktar u aktar  żgħażagħ tagħna jkunu mgħallma fit-teknoloġiji diġitali u fl-iżvilupp tagħhom – mhux biss fl-użu li jista’ jsir minnhom.

***

AGĦTI ĊANS LILL-PAĊI 

It-tensjoni li qamet dan l-aħħar bejn l-alleati “tal-Punent” u r-Russja dwar l-Ukrajna mill-ġdid ressqet lejn l-Ewropa t-theddida antika ta’ gwerra – theddida li konna naħsbu li tbiegħdet għal kollox.

Stagħġibt matul dan kollu kif l-aħbarijiet dwar xinhu jinqala’ u l-analiżi tagħhom baqgħu dejjem ankrati f’kunsiderazzjonijiet ta’ natura militari. Ovvjament dawn huma importanti. Imma ma tistax tieħu lilhom biss bħala l-kejl ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet, jekk irridu nimmiraw f’isem il-paċi, għal modus operandi ġust u dejjiemi.

Bejn ir-Russja, l-Ukrajna, u l-pajjiżi ġirien tagħhom jeżistu rabtiet qawwija – kulturali, etniċi, soċjali, kummerċjali, li huma kumplessi u storiċi. Iqanqlu biżgħat, aspettattivi, ħbiberiji u antagoniżmi – moħbija jew le. Iridu jiġu indirizzati.

***

ELEZZJONI

L-elezzjoni riesqa se tqajjem sfidi loġistiċi li qatt ma rajna bħalhom qabel – ikkawżati mill-Covid-19. Kif se jivvotaw dawk li jinsabu fi kwarantina? Kif se jsiru l-laqgħat publiċi? Kemm qed/se jkunu effettivi ż-żjarat li l-kandidati jagħmlu fid-djar? X’jiġri jekk persuni li huma kruċjali fit-tmexxija tal-proċeduri elettorali jimirdu?

L-istess mistoqsijiet qed iqumu fi Franza bħalissa, fejn l-elezzjoni presidenzjali trid tkun saret sa nofs Mejju. 

Il-mod kif l-effetti tal-pandemija jitbandlu b’għaġla minn rata qawwija ta’ infezzjoni u imwiet għal rati “tollerabbli” jkompli jħarbat it-tħejjijiet li jridu jsiru. Dan jista’ jiġi jfisser li arranġamenti li jkunu jgħoddu għall-bidu ta’ kampanja jispiċċaw mhux aktar adekwati fin-nofs jew lejn it-tmiem tagħha.

Ekonomija

Sport