Monday, September 23, 2024

Investiment ta’ €10 miljun għall-infrastruttura li tipprijoritizza lin-nies

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett indirizza  konferenza, li għaliha attendew diversi rappreżentanti minn kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi, dwar proġett li ser jindirizzaw mobilità aktar sostenibbli fil-lokalitajiet. Dan il-proġett hu magħmul apposta biex jinħoloq l-aħjar pjan ta’ żvilupp infrastrutturali lejn toroq aktar aċċessibbli sabiex minnu jibbenefika kulħadd.

“Vjal Kulħadd” hija skema ġdida li Infrastructure Malta nediet għall-kunsilli lokali, biex flimkien ma’ għaqdiet mhux governattivi, iressqu proposti u ideat biex toroq u spazji pubbliċi fil-qalba tal-komunitajiet jiġu trasformati fi spazji aktar siguri, li jilħqu l-esiġenzi tal-firxa wiesgħa tan-nies, waqt li jiġu mżewqa b’aktar siġar u ambjent ħadrani.

Din l-iskema,  b’investiment ta’ €10 miljun, ġiet inawgurata mill-Ministru Chris Bonett li spjega li din l-iskema għandha l-għan li tinkoraġġixxi l-kunsilli lokali u l-għaqdiet mhux governattivi jersqu huma bl-ideat, u li ser isibu l-appoġġ finanzjarju u l-għajnuna teknika mill-professjonisti ta’ Infrastructure Malta.

“Bħala gvern, huwa l-obbligu tagħna li nipprovdu l-aqwa infrastruttura biex il-ġenerazzjoni li jmiss tgħix f’ambjent aħjar milli sibnieh aħna. L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa propju dan. Qegħdin ninvestu bil-kbir biex il-komunitajiet tagħna jkollhom l-aqwa ambjent li jinċentiva l-mixi u l-użu tar-rota fuq dak tal-karozzi. Wasal iż-żmien li nibdew innaqqsu l-użu tal-karozzi imma biex nagħmlu hekk irridu nipprovdu l-infrastruttura għaliha – u “Vjal Kulħadd” se jkun qed jagħmel dan,” qal il-ministru.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul qal li lnfrastructure Malta hija impenjata li tilqa’ proposti ta’ tisħiħ f’infrastruttura li tipprijoritizza lin-nies. Apparti  tisħiħ fl-aċċessibilità u s-sigurtà għall-persuni li jużaw it-toroq bil-pass, is-Sur Ellul ħeġġeġ lill-kunsilli lokali u lill-għaqdiet mhux governattivi jagħtu prijorità lill-infrastruttura li taħseb f’modi differenti ta’ trasport, b’mod partikolari r-rota.

Is-Sur Ellul esprima ottimiżmu li din l-inizjattiva ser tkompli tgħaqqad l-infrastruttura eżistenti ta’ mobilità attiva, inkluż linji għaċ-ċiklisti, ma’ oħrajn ġodda bil-għan li tonqos id-dipendenza fuq il-vetturi. L-iskema tippromwovi wkoll żieda fin-numru ta’ siġar u firxa akbar ta’ ambjent ħadrani, u sistemi aħjar fil-ġbir tal-ilma tax-xita.

L-iskema “Vjal Kulħadd” ser tinżamm miftuħa għal sitt ġimgħat bil-kunsilli lokali huma mħeġġa jissottomettu l-proposti sat-30 ta’ Ottubru 2024.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport