Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li l-kumpanija Malta Public Transport bdiet topera s-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex b’karozzi tal-linja tal-elettriku b’emissjonijiet żero. Dan l-investiment ta’ €11-il miljun jirrifletti kisba ewlenija lejn mobbiltà aktar nadifa u sostenibbli fil-gżira Għawdxija.
It-tnedija saret fiċ-charging depot il-ġdid tal-karozzi elettriċi li jifforma parti mill-Multi-Modal Hub u Park and Ride f’Ta’ Xħajma, Għawdex. Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia, u ċ-Chairman tal-kumpanija Malta Public Transport Felipe Cosmen.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “Illum qed ninawguraw pass importanti ieħor lejn trasport pubbliku aktar nadif u sostenibbli f’Għawdex. Il-Gvern dejjem kien impenjat li jkompli jinvesti fit-tranżizzjoni lejn trasport aktar nadif. L-elettrifikazzjoni tal-karozzi tal-linja f’Għawdex hija parti minn dan l-impenn. Fuq kollox pass eqreb lejn l-għan ambizzjuż li nagħmlu lil Għawdex carbon neutral.” Huwa żied jgħid li dan l-investiment ta’ €11-il miljun huwa l-akbar wieħed li qatt sar fit-trasport pubbliku f’Għawdex u jirrappreżenta kisba importanti bl-elettrifikazzjoni sħiħa tas-servizz tat-trasport pubbliku fil-gżira.
“Mil-lum, il-karozzi tal-linja li jaħdmu bid-diesel f’Għawdex inbidlu kollha b’vetturi ġodda tal-elettriku b’emissjonijiet żero. Dan huwa possibbli bl-installazzjoni ta’ infrastruttura ta’ smart chargers li tippermetti li l-flotta tiġi ċċarġjata matul il-lejl. Dawn il-karozzi tal-linja tal-elettriku se jfissru emissjonijiet aktar baxxi u arja aktar nadifa fil-villaġġi tagħna, toroq aktar kwieti fil-komunitajiet, u kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti u l-viżitaturi kollha,” sostna l-Ministru.
Il-Multi-Modal Hub f’Ta’ Xħajma issa ser iservi wkoll bħala charging depot għall-karozzi tal-linja elettriċi li jitħaddmu f’Għawdex minn Malta Public Transport. “Dan ifisser li qed inpoġġu l-infrastruttura meħtieġa biex tappoġġja l-bidla lejn flotta aktar nadifa u moderna. Dan il-proġett mhux biss dwar iċċarġjar tal-karozzi tal-linja, iżda wkoll dwar tnaqqis fl-emissjonijiet, kwalità tal-arja aħjar, u użu aktar effiċjenti ta’ din il-faċilità strateġika,” qal il-Ministru Clint Camilleri.
Dan il-proġett kien ir-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn diversi entitajiet fosthom il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Transport Malta, u d-Direttorat tal-Innovazzjoni Ambjentali u Greening fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, fejn l-infrastruttura elettrika eżistenti ġiet ikkumplimentata bl-installazzjoni ta’ fast chargers addizzjonali li jintużaw biex il-karozzi tal-linja jiġu ċċarġjati matul il-lejl.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia qal li “L-elettrifikazzjoni tal-flotta tal-karozzi tal-linja f’Għawdex tibgħat messaġġ ċar li s-sostenibbiltà u l-progress għandhom jimxu id f’id. L-innovazzjoni m’għadhiex xi ħaġa li nitkellmu dwarha bħala ambizzjoni ’l bogħod. Qed isseħħ hawnhekk, illum, b’modi prattiċi u viżibbli. Dan il-proġett juri wkoll x’jista’ jinkiseb permezz ta’ viżjoni fit-tul, kollaborazzjoni u impenn. It-trasformazzjoni ta’ flotta sħiħa tat-trasport pubbliku teħtieġ ippjanar, infrastruttura, investiment u fiduċja fit-teknoloġiji l-ġodda.” Huwa temm jgħid li għalhekk, iċ-charging d-depot li qed jinawguraw illum huwa ferm aktar minn sempliċi faċilità: huwa ċ-ċentru ta’ ekosistema ġdida tat-trasport imfassla għall-futur.
Il-Ministru Clint Camilleri ħabbar ukoll li mill-31 ta’ Mejju 2026, ir-rotot 302 u 303 ser jibdew iservu l-faċilità ta’ Ta’ Xħajma fi triqthom lejn u mir-Rabat, Għawdex. Minħabba li ż-żewġ rotot joperaw kull siegħa, dan ifisser żewġ servizzi fis-siegħa lejn ir-Rabat. Ir-rotot 302 u 303 iservu wkoll lokalitajiet bħan-Nadur, ir-Ramla, ix-Xewkija, Għajnsielem u l-Qala. Għaldaqstant, min juża l-hub jista’ jipparkja l-vettura tiegħu u jkompli l-vjaġġ bit-trasport pubbliku.
Iċ-Chairman ta’ Malta Public Transport Felipe Cosmen qal, “Għawdex huwa post uniku. Gżira ta’ ġmiel, ta’ karattru u trankwillità, fejn il-wirt, il-komunità u n-natura huma parti integrali tal-ħajja ta’ kuljum. It-trasport pubbliku f’Għawdex ilu parti mill-ħajja tan-nies għal aktar minn mitt sena. Illum, Malta Public Transport ħadet pass importanti ’l quddiem bħala parti mill-mixja tal-gżira lejn is-sostenibbiltà b’servizz tal-linja kompletament tal-elettriku.” Huwa kompla jgħid li Malta Public Transport tibqa’ kommessa li tappoġġja l-għanijiet usa’ tas-sostenibbiltà f’Għawdex filwaqt li tkompli ttejjeb l-esperjenza tat-trasport pubbliku għal kulħadd.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li b’dan l-investiment il-Gvern qed ikompli jħejji lil Għawdex għal sistema ta’ trasport aktar nadifa, aktar konnessa u aktar effiċjenti. Bil-flotta tat-trasport pubbliku kompletament tal-elettriku, Għawdex saret fost l-ewwel gżejjer fl-Ewropa li wettqet din it-tranżizzjoni, u qed tagħti eżempju ċar ta’ kif il-gżejjer jistgħu jagħżlu t-triq lejn mobbiltà aktar sostenibbli.

