Din il-leġiżlatura l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard għadda mill-proċess Parlamentari medja ta’ abbozz fix-xahar flimkien ma n-numru kbir ta’ liġijiet sussidjarji. Dan is-sit tkellem mal-Ministru Attard fejn qalilna li jemmen li r-riformi mwettqa fis-settur tal-ġustizzja ser ikunu qed jagħmlu differenza kbira speċjalment fil-kamp tal-inkjesti fejn ġew introdotti aktar drittijiet għall-vittmi, aktar kontabilità, proċeduri spediti u strutturati, li kienu mistennija u neċessarji.
Huwa fakkar ukoll dwar l-importanza ta’ riformi oħra bħal-liġi tal-Familja, riforma fil-Qorti tad-Droga, it-tieni ċans u aktar speċjalizzazjoni bħal Qorti Kummerċjali. Bl-introduzzjoni ta’ Awla ġdida attrezzata bl-aqwa sistemi, għall-ewwel darba f’pajjiżna kienu skedati tliet ġurijiet kriminali simultanjament fl-istess ħin.
Għalkemm wieħed minnhom ma seħħx minħabba raġuni mhux amministrattiva relatata mar-rinunzja ta’ avukat mill-patroċinju, xorta waħda dan kien sinjal ċar tal-progress li sar fl-investiment infrastrutturali u fl-organizzazzjoni tal-Qrati. Dan sar possibbli grazzi għall-ħidma tal-ġudikatura, il-prosekuturi u l-ħaddiema kollha tal-Qrati. Illum għandna wkoll l-akbar korp tal-ġudikatura fl-istorja ta’ pajjiżna, pass kruċjali biex tissaħħaħ l-effiċjenza fis-sistema.
Iffirmati aktar minn 11-il ftehim kollettiv
Matul din il-leġiżlatura ġew imsaħħa l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema bil-Ministru Attard jippresjedi fuq l-iffirmar ta’ aktar minn 11-il ftehim kollettiv. Dawn il-ftehimiet kienu kruċjali biex jinżamm u jiġi attirat talent ġdid fis-settur, għax il-kontinwità, l-esperjenza u l-ispeċjalizzazzjoni huma essenzjali għal sistema ġudizzjarja moderna u effiċjenti. Dawn il-kisbiet kienu rikonoxxuti wkoll mill-Prim Imħallef attwali nnifsu Dr Mark Chetcuti fid-diskors tiegħu għall-ftuħ tas-sena forensi li nnota li dawn il-passi bdew jagħtu riżultati konkreti.
Investiment bla preċedent
Fejn jidħol investiment infrastrutturali l-Ministru Jonathan Attard wettaq ħidma bla preċedent. Għaddej xogħol fuq binja ġdida għall-awli kriminali wara l-Qorti, proġett li kien ilu jissemma mis-sena 1996 u li finalment ġie mbuttat ’il quddiem. Barra minn hekk, ingħataw il-permessi għall-Qorti Kummerċjali l-ġdida, filwaqt li f’Għawdex għaddej ix-xogħol fuq Qorti moderna u fuq titjib fil-Qorti tal-Familja biex dawn jirriflettu l-ħtiġijiet taż-żminijiet tal-lum.
Standards ogħla fil-kostruzzjoni
Fis-settur tal-kostruzzjoni wkoll saru riformi importanti, partikolarment fit-tisħiħ tal-BCA u l-OHSA biex ikun hemm aktar regolamentazzjoni, aktar sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol u aktar responsabbiltà fis-settur. Hawnhekk ukoll rajna żieda sostanzjali fir-riżorsa umana u titjib fil-kundizzjonijiet biex ikollna Awtoritajiet aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini tagħna. Fost il-varji riformi li wettaqna rajna l-liċenzjar tal-kuntratturi u l-bennejja fejn għall-ewwel darba l-awtorità għandha reġistru ta’ nies kompetenti fis-settur.
Nedejna l-helpline 138; servizz ta’ assistenza 24 siegħa kuljum għal dawk kollu relatat mas-saħħa u s-sigurtà u l-kostruzzjoni. Komplejna nisimgħu n-nies u fi ftit ġimgħat żida servizz professjonali addizzjonali ta’ avukati u periti li jassistu bla ħlas lil dawk affettwati mill-kostruzzjoni. Fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà, kellna lkuraġġ li wara aktar minn 20 sena daħħalna liġi li tindirizza r-realtajiet tal-lum u ta’ għada.
L-elezzjoni tintrebaħ bil-voti
Mitlub jikkummenta rigward il-futur ta’ din il-ħidma hekk kif ninsabu biss ftit jiem bogħod minn jum il-votazzjoni l-Ministru qalilna li “L-elezzjoni ġenerali ma tintrebaħx bis-survey imma bilvot ta’ kull persuna f’pajjiżna. Nappella lil kulħadd biex jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu. Ejjew inkunu aħna li niddeterminaw x’se jiġri minn pajjiżna, min se jmexxi u min għandu l-kompetenza, il-kredibbiltà u t-track record biex imexxi.
Jiena nemmen li matul din il-kampanja, imma wkoll bl-aktar mod wiesgħa matul din il-leġiżlatura, wrejna li aħna l-partit li għandu s-soluzzjonijiet u l-partit li għandu l-aqwa viżjoni għall-familji tagħna, għan-negozji u ż-żgħażagħ tagħna”.

