Eks uffiċjal tal-gvern Amerikan ġie arrestat. Dan wara li minn tfittxija li għamlu l-FBI fid-dar tiegħu f’Virginia, instab li kellu mal- mijiet ta’ deheb li jammonta bħala valur ta’ aktar minn $40 miljun.
Minbarra l-ammont sostanzjali ta’ deheb, l-FBI sabet ukoll madwar $2 miljun f’munita Amerikana fid-dar ta’ Rush, flimkien ma’ 35 arloġġ lussuż, li ħafna minnhom huma tad-ditta Rolex.
Midja internazzjonali rrapurtat li l-eks uffiċjal David Rush għamel diversi talbiet lill-gvern Amerikan biex jirċievi id-deheb bħala spejjeż relatati max-xogħol matul is-sena li għaddiet. Dan ħareġ skont id-dokumenti tal-qorti. Huwa ġie akkużat b’serq kriminali ta’ flus pubbliċi f’ilment ippreżentat il-ġimgħa li għaddiet.
Skont in-New York Times, sa ftit ilu Rush kien qed jokkupa kariga għolja fic-CIA. Huwa ġie arrestat u qed jinżamm f’detenzjoni sakemm jitressaq il-Qorti din il-ġimgħa. Sa issa l-avukat tiegħu ma’ ta ebda kumment.
Rush, li skont dokumenti tal-qorti kellu awtorizzazzjoni sigrieta u aċċess għal informazzjoni klassifikata, ġie akkużat ukoll li gideb dwar l-edukazzjoni u s-servizz militari tiegħu meta applika għall-impjieg tiegħu fil-Gvern. Dokumenti tal-qorti jgħidu li Rush huwa eks eżekuttiv anzjan f’aġenzija tal-gvern Amerikan f’Virginia.
Bejn Novembru 2025 u Marzu 2026, Rush għamel diversi talbiet lill-gvern tal-Istati Uniti biex jikseb kwantità sinifikanti ta’ munita barranija u għexieren ta’ miljuni ta’ dollari f’deheb għal spejjeż relatati max-xogħol.

