Minn Cristian Muscat
Meta r-referee Matthew Degabriele saffar it-tmiem tal-Finalissima bejn Floriana F.C. u Marsaxlokk F.C., l-emozzjonijiet fil-kamp ta’ Floriana kienu indeskrivibbli.
Ir-rebħa drammatika ta’ 2-1 tat lil Floriana s-27 kampjonat fl-istorja tagħhom, rekord fil-futbol Malti, u wieħed mill-plejers li għex kull mument b’mod intensiv kien l-attakkant Malti Jake Grech.
Grech, li kien wieħed mill-protagonisti ewlenin matul l-istaġun kollu, tkellem b’emozzjoni kbira wara l-logħba ma’ dan is-sit u ammetta li dan it-titlu għandu tifsira speċjali ħafna għalih.
“Konna konsistenti tul l-istaġun kollu,” beda jgħid Grech. “Kien staġun twil u diffiċli, iżda dejjem bqajna nemmnu. Kien hemm mumenti fejn konna viċin ħafna imma dejjem kien jonqos xi ħaġa. Din id-darba rnexxielna nwasslu sal-aħħar.”
L-attakkant Furjaniż spjega kif il-grupp baqa’ magħqud minkejja d-diffikultajiet li kellu jaffaċċja tul dawn l-aħħar tliet snin.
“Kont wieħed mill-ftit plejers li ili hawn dawn l-aħħar tliet snin u naf minn xiex għaddejna. Kien hemm ħafna nies li qatgħuna barra u m’emmnux fina. Imma aħna bqajna naħdmu fis-skiet u fit-tieni round konna verament tim differenti.”
Fil-fatt, Floriana kellhom staġun mimli sfidi, iżda fit-tieni parti tal-kampjonat it-tim ta’ Daniel Portela beda juri konsistenza impressjonanti. Fil-Final Four, il-Greens għelbu kemm lil Valletta F.C. kif ukoll lil Marsaxlokk biex finalment għollew it-trofew tant mixtieq.
Grech enfasizza wkoll kemm kienet importanti l-mentalità tal-grupp f’mumenti kruċjali bħal dawk.
“Fil-Final Four lgħabna kontra żewġ timijiet kbar bħal Valletta u Marsaxlokk. Dawn huma logħbiet li jintrebħu bid-determinazzjoni u bil-karattru. Naħseb li hemmhekk għamilna d-differenza.”
Minkejja l-pressjoni enormi tal-Finalissima, Grech qal li l-iskwadra baqgħet kalma anke meta sabet ruħha minn taħt wara l-gowl ta’ Rasmus Linden fl-ewwel taqsima. Skont hu, il-fatt li t-tim għadda minn diversi sfidi tul l-istaġun għen biex il-plejers iżommu l-kunfidenza tagħhom sal-aħħar minuti tal-logħba.
“Meta qlajna l-gowl ma ppanikjajniex,” sostna Grech. “Fuq il-bank kulħadd kien pożittiv u konna nemmnu li l-logħba għadha twila. Din kienet waħda mill-akbar kwalitajiet tagħna dan l-istaġun – qatt ma naqtgħu qalbna.”
Huwa faħħar ukoll ix-xogħol tal-kowċ Daniel Portela u l-istaff tekniku, li skontu rnexxielhom joħolqu familja vera ġewwa l-kamra tat-tibdil.
“Il-kowċ dejjem żammna ffukati. Anke meta kien hemm kritika jew mumenti diffiċli, dejjem wassal messaġġ ta’ għaqda. Naħseb li s-saħħa vera tagħna kienet il-grupp u kemm konna magħqudin.”
Grech ammetta wkoll li l-atmosfera fl-Istadium Nazzjonali kienet waħda speċjali ħafna u li l-appoġġ tal-partitarji ta lil Floriana motivazzjoni żejda sal-aħħar sekondi tal-logħba, meta wasal il-gowl drammatiku tar-rebħa.
Għalkemm ma bediex il-Finalissima sa mill-bidu, Grech xorta kellu rwol importanti fl-andament tal-logħba meta daħal fit-tieni taqsima biex iżid aktar enerġija u kreattività fl-attakk Furjaniż. Il-preżenza tiegħu kienet waħda mill-fatturi li biddlu l-bilanċ favur il-Greens, speċjalment wara li Federico Varela ġab id-draw.
Grech ilu magħruf fil-futbol Malti bħala plejer li kapaċi jagħmel differenza fil-mumenti deċiżivi. Imwieled fit-18 ta’ Novembru 1997, huwa beda l-karriera tiegħu ma’ Ħamrun Spartans F.C. fejn tela’ mis-settur taż-żgħażagħ u kellu rwol importanti fir-ritorn tal-klabb lejn l-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
Il-wirjiet tiegħu ma’ Hamrun ġibdu interess qawwi minn diversi klabbs, tant li fl-2017 ingħaqad ma’ Birkirkara F.C. bi trasferiment rekord għall-klabb ta’ dak iż-żmien. Aktar tard kellu esperjenza wkoll ma’ Balzan F.C. qabel ma ngħaqad ma’ Floriana f’Jannar tal-2024.
Lil hinn mill-karriera fil-klabbs, Grech irrappreżenta wkoll lit-tim nazzjonali Malti f’diversi kategoriji taż-żgħażagħ qabel ma kiseb ukoll is-sejħa mat-tim nazzjonali tal-kbar.
Wara ċ-ċelebrazzjonijiet fi tmiem il-logħba, Grech ma ħebiex kemm kien emozzjonat b’dan is-suċċess storiku.
“Emozzjonat ħafna,” qal b’vuċi mimlija sodisfazzjon. “Dan it-titlu rrid niddedikah lill-familja tiegħi fosthom lil ommi, lil missieri, lil ħuti u lil kull min baqa’ warajja. Aħna bħala plejers professjonali nagħmlu ħafna sagrifiċċji li mhux dejjem jidhru.”
Huwa kellu wkoll kliem speċjali għall-partitarji Furjaniżi li baqgħu jappoġġjaw lit-tim kemm fil-mumenti tajbin kif ukoll f’dawk diffiċli.
“Il-partitarji kienu inkredibbli. Baqgħu magħna fit-tajjeb u l-ħażin u llum ħaqqhom jiċċelebraw daqsna. Meta tara lil dawk in-nies kollha kuntenti tifhem kemm dan il-kampjonat ifisser għalina u anke għalihom.”
Għal Grech, dan it-titlu jista’ jkun wieħed mill-aktar mumenti importanti fil-karriera tiegħu s’issa. Plejer li dejjem kien magħruf għall-mentalità offensiva tiegħu, għall-kwalità fit-teknika u għall-ħila li jiskorja jew joħloq gowls, issa jista’ jżid kampjonat storiku ieħor mar-resumé tiegħu.
Iżda minkejja ċ-ċelebrazzjonijiet, jidher ċar li dan il-grupp Furjaniż għandu aktar ambizzjonijiet għall-futur. Bil-ħidma ta’ Portela u b’qalb kbira li wera dan l-istaġun, Floriana jidher li reġa’ bena mentalità ta’ rebbieħa.
U jekk hemm plejer li jirrappreżenta perfettament dik il-mentalità, dak hu Jake Grech, wieħed mill-players ewlenin li mexxew lil Floriana lejn il-glorja.

