Thursday, May 28, 2026

15-il sena ilu Malta vvutat favur id-dħul tad-divorzju 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ħmistax-il sena ilu, fit-28 ta’ Mejju 2011, il-poplu Malti għamel għażla kuraġġuża. Minkejja pressjonijiet enormi, minkejja stigma qawwija u minkejja li kien hemm min qal li Malta għadha mhix lesta, il-poplu vvota ‘IVA’ għad-dritt ċivili tad-divorzju.” Iddikjarat dan Dr Deborah Schembri f’attività li fakkret il-15-il sena mir-referendum dwar id-dħul tad-divorzju f’Malta. 

Fi kliem Dr Schembri, dak ir-referendum ma kienx dwar id-divorzju biss. Qalet li dak ir-referendum kien dwar jekk adulti maqbudin f’relazzjonijiet miksura kellhomx dritt għat-tieni ċans. Kien dwar jekk il-kompassjoni kellhiex tirbaħ fuq il-kundanna. 

Bħala Chairperson tal-Moviment Iva għad-Divorzju, Iva għaż-Żwieġ, Dr Schembri tgħid li llum tinsab hawn b’sens profond ta’ kburija. “Mhux fija nnifsi iżda f’kull voluntier, kull familja, kull ġenitur separat, kull persuna li sofriet fis-skiet, kull individwu li kellu l-kuraġġ jgħid ‘biżżejjed, aħna wkoll ħaqqna ngħixu b’dinjità’.”

Hija fakkret li dak iż-żmien kien hemm min qal li s-soċjetà kienet se titfarrak jew li l-familji kienu se jinqerdu. Minflok, qalet Dr Schembri, Malta sabet l-umanità tagħha. “Dak li ġara wara l-2011 kien straordinarju. Referendum dwar id-divorzju sar il-bidu ta’ mixja ferm akbar lejn id-drittijiet ċivili, l-ugwaljanza u l-libertà personali f’pajjiżna.”

“Fis-snin li segwew, Malta trasformat ruħha minn wieħed mill-aktar pajjiżi konservattivi fl-Ewropa għal wieħed mill-aktar pajjiżi progressivi fejn jidħlu l-libertajiet ċivili,” qalet Dr Schembri.

“Rajna l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-IVF. Rajna l-introduzzjoni tal-unjonijiet ċivili fl-2014 li taw drittijiet ugwali lil koppji tal-istess sess, inkluż id-dritt tal-adozzjoni. Saħħaħna l-protezzjonijiet kostituzzjonali kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru. 

“Fl-2015 għaddejna waħda mill-aktar liġijiet avvanzati fid-dinja dwar l-identità tal-ġeneru u d-drttijiet ta’ persuni transgender. Fl-2017 illegalizzajna ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess b’appoġġ parlamentari qawwi ħafna u Malta saret simbolu internazzjonali ta’ ugwaljanza u inklużjoni.

“Immodernizzajna l-liġijiet ta’ koabitazzjoni. Espandejna l-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+,” kompliet tispjega Dr Schembri. 

Hija qalet ukoll li matul dawn is-snin kollha ħarġet verità waħda ċara, dik li l-poplu Malti huwa ħafna aktar matur, aktar empatiku u aktar progressiv milli qatt emmnu dawk li bnew il-politika tagħhom fuq il-biża’. 

“Ir-referendum tad-divorzju fetaħ bieb ġdid għal Malta. Kisser il-leġġenda li d-drittijiet ċivili jridu dejjem jistennew. Wera li d-demokrazija tista’ tmexxi s-soċjetà ’l quddiem u forsi ta kuraġġ lil oħrajn – kuraġġ biex jitkellmu, biex jitolbu ugwaljanza, biex jemmnu li l-bidla hi possibbli.”

“Lil dawk kollha li kienu magħna dak iż-żmien grazzi mill-qalb. Lil dawk li ma qablux magħna iżda rrispettaw lid-demokrazija grazzi wkoll,” qalet Dr Schembri. 

Hija temmet tgħid li: “15-il sena ilu Malta vvutat favur id-divorzju. Imma fir-realtà, Malta vvotat favur l-empatija flok il-ġudizzju, favur it-tama minflok il-biża’, favur il-libertà fuq il-kontroll. Dak huwa l-legat li qed niċċelebraw illum. U dik hija l-Malta li rridu nibqgħu nibnu flimkien.”

L-attività ġiet indirizzata wkoll minn Jeffrey Pullicino Orlando, li ta l-kontribut tiegħu waqt mument ta’ riflessjoni dwar il-kuntest u l-importanza ta’ din il-bidla għall-pajjiż filwaqt li saret diskussjoni minn panel li fih ħadu sehem Alex Caruana, Joanne Sciberras Edwards, Orietta Cardona u Christopher Galea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport