Ftit jiem biss qabel ma Malta terġa’ tmur għall-elezzjoni ġenerali, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri jinsisti li l-Gvern għandu “track record ċar” fejn jidħlu s-sigurtà, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-investiment fil-korpi dixxiplinati.
F’intervista ma’ dan il-ġurnal, il-Ministru Camilleri qal li meta jħares lura lejn din il-leġiżlatura jħoss sodisfazzjon kbir għax ħafna minn dak li kien imwiegħed fil-manifest elettorali tal-2022 mhux biss twettaq, iżda “f’ċerti oqsma wettaqna iżjed milli wegħedna.”
“Il-ġudizzju finali dejjem jagħtuh in-nies,” qalilna. “Imma meta niltaqa’ ma’ pumpiera, suldati u pulizija, ħafna minnhom jgħiduli li f’dawn l-aħħar snin saru affarijiet li qabel kienu jitqiesu impossibbli. Oħrajn jgħiduli li dawn il-ħaddiema kienu minsija għal snin twal u llum qed iħossuhom apprezzati.”
Il-Ministru enfasizza li l-prijorità ewlenija tiegħu kienet li s-sigurtà tal-pajjiż tibqa’ tissaħħaħ, iżda fl-istess ħin il-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati jingħataw kundizzjonijiet aħjar u rispett akbar.
“Sigurtà b’saħħitha ma tibniehiex biss b’aktar tagħmir jew teknoloġija,” sostna Camilleri.
“Trid tinvesti fil-bniedem. Għalhekk tajna importanza kbira lid-drittijiet tal-ħaddiema, lill-kundizzjonijiet tagħhom u lill-familji tagħhom.”
Huwa fakkar kif matul din il-leġiżlatura ġew iffirmati diversi ftehimiet kollettivi fil-korpi dixxiplinati. Fil-fatt, skontu, ġew konklużi diversi tipi ta’ ftehim differenti li kollha ħallew il-frott mixtieq.
Waħda mill-aktar miżuri li semma kienet dik relatata mal-ħlas tal-‘overtime’ u ‘extra duties’. “Kien hemm ħaddiema li kienu jagħmlu sigħat twal u ma jkunux kumpensati kif suppost. Illum il-ħaddiem qed jingħata dak li ħaqqu.”
Semma fost oħrajn il-ftehim li wassal għal investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro fuq sentejn għas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta bħala kumpens għall-extra duties tagħhom.
“Dawn huma nies li jagħtu servizz lill-pajjiż 24 siegħa kuljum. Ma stajniex nibqgħu ninjoraw ir-realtajiet tagħhom,” qal Camilleri.
Tkellem ukoll dwar il-ftehim storiku għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li kien l-ewwel wieħed fi 22 sena. Dan il-ftehim wassal biex il-pumpiera jibdew jaħdmu 40 siegħa minflok 46, b’overtime li jibda jitħallas wara l-40 siegħa.
“Bħala Gvern qatt ma ħassejna li biżżejjed ngħidulhom ‘grazzi’ meta jidħlu fin-nar jew jirriskjaw ħajjithom għalina. Ridna nuru rispett konkret permezz ta’ kundizzjonijiet aħjar,” sostna.
Skont Camilleri, dawn il-miżuri kollha huma marbuta ma’ viżjoni usa’ ta’ Malta aktar sigura u moderna. Huwa sostna li llum Malta hija fost l-aktar pajjiżi siguri fil-Mediterran u fost l-aqwa pajjiżi fid-dinja fejn tidħol kriminalità baxxa.
Il-Ministru semma wkoll kif l-investiment fil-korpi dixxiplinati ma kienx iffukat biss fuq il-pagi, iżda wkoll fuq it-taħriġ u r-riżorsi moderni. Skontu, fl-aħħar snin żdied l-investiment fit-teknoloġija, fil-vetturi u fit-tagħmir li jużaw il-pulizija, il-pumpiera u s-suldati waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Qal li dawn il-miżuri qed jgħinu biex is-servizz mogħti liċ-ċittadini jkun aktar effiċjenti u professjonali, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-fiduċja tan-nies fil-korpi dixxiplinati.
“L-istatistika u r-riżultati jitkellmu waħedhom,” qalilna. “Naturalment dejjem hemm sfidi ġodda u ħadd ma jista’ jgħid li kollox perfett, imma llum Malta kompliet ittejjeb is-sigurtà tagħha.”
Meta mistoqsi dwar il-kritika tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Camilleri qal li n-nies għandhom iqabblu l-fatti u mhux biss il-kliem.
“Il-poplu jaf jagħraf id-differenza bejn min iwiegħed u min iwettaq. Aħna għandna ‘track record’ ta’ ftehim kollettiv sod, żidiet fis-salarji, aktar investiment u aktar drittijiet għall-ħaddiema. In-nies jistgħu jqabblu bejna u bejn il-Partit Nazzjonalista u jagħmlu l-konklużjonijiet tagħhom.”
Hu saħaq li waħda mill-akbar bidliet kienet id-dritt li l-membri tal-korpi dixxiplinati jkollhom unions li jirrappreżentawhom.
“Din kienet bidla kulturali importanti ħafna. Illum għandek djalogu soċjali ħaj fejn il-ħaddiema jistgħu jesprimu ruħhom u jiġu mismugħa.”
Dwar il-Korp tal-Pulizija, Camilleri qal li l-ħidma ma waqfitx biss fuq salarji u allowances, iżda kompliet ukoll permezz tal-istrateġija korporattiva ġdida għall-2025-2030, li tinkludi modernizzazzjoni teknoloġika u aktar effiċjenza fil-ħidma tal-korp.
“Hemm 75 impenn differenti li għandhom iwasslu għal forza tal-pulizija aktar moderna u aktar viċin in-nies,” spjega.
Minkejja l-kisbiet li jsemmi, Camilleri ammetta li xorta għad hemm ħafna xogħol xi jsir.
“Il-pajjiż jinbidel, il-kriminalità tinbidel u trid tibqa’ tadatta. Għalhekk irridu nibqgħu ninvestu kemm fit-teknoloġija kif ukoll fil-ħaddiema.”
Hekk kif il-kampanja elettorali riesqa lejn il-qofol tagħha, il-ministru Camilleri jidher determinat li jagħmel mill-ħidma fil-korpi dixxiplinati wieħed mill-punti ewlenin tal-messaġġ politiku tiegħu.
“Fl-aħħar mill-aħħar, meta n-nies jivvutaw, se jħarsu lejn ir-riżultati. Jien nemmen li l-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati raw bidliet konkreti f’ħajjithom u fil-kundizzjonijiet tagħhom. U meta jkollok ħaddiema motivati u rispettati, il-pajjiż kollu jibbenefika,” temm jgħid Byron Camilleri.
Hu sostna li l-impenn tiegħu hu li jkompli jibni fuq dak li sar sabiex il-korpi dixxiplinati jibqgħu moderni, b’saħħithom u viċin il-komunità.

