Saturday, May 4, 2024

Investiment ta’ €200,000 għal riċerka li twassal għal terapija iktar sigura u effettiva għall-kanċer tal-pulmun

Aqra wkoll

Riċerkaturi fid-Dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika u Terapewtika fl-Università ta’ Malta qed jaħdmu fuq proġett ta’ riċerka bl-isem LCeNT, bil-għan li jistudjaw u jiżviluppaw terapija ġdida għal kanċer tal-pulmun speċifiku msejjaħ non-small cell lung cancer (NSCLC). Minkejja t-trattamenti disponibbli bħalissa, dan it-tip ta’ kanċer iġorr rata ta’ sopravivenza wara 5 snin ta’ madwar 15% biss.

Il-kors ta’ trattament li qed jiġi propost mill-proġett LCeNT jista’ potenzjalment jipprovdi effikaċja akbar f’konċentrazzjonijiet ta’ mediċini aktar siguri u b’hekk jagħti inqas effetti negattivi minn trattamenti disponibbli bħalissa. L-għan ewlieni tar-riċerka huwa li tiżviluppa u tevalwa qafas terapewtiku li jgħin biex tinkiseb pronjosi aħjar u jtejjeb ir-rata ta’ sopravivenza.

Waqt żjara fil-laboratorji fejn qed isir xogħol fuq dan il-proġett, il-Ministru Owen Bonnici qal li, “L-enerġija u l-impenn ta’ dawn ir-riċerkaturi Maltin li qed jaħdmu biex isibu trattament aħjar għal marda li qed tikkawża tant tbatija, huma tassew impressjonanti, u x-xogħol imprezzabbli tagħhom jeħtieġ li jiġi rikonoxxut, hekk kif qed jaħdmu bla heda sabiex jipprovdu tama ġdida lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha”.

Il-Ministru Bonnici qal li, “Il-gvern huwa impenjat li jibqa’ jinċentiva u jinkoraġġixxi riċerka bħal din peress li qed taħdem biex tipprovdi soluzzjonijiet innovattivi li verament is-soċjetà għandha bżonn. Filwaqt li r-riċerka f’pajjiżna għadha fil-bidu tagħha, in-nies qed jibdew jifhmu l-valur tagħha għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha”.

Il-kanċer għadu l-kawża ewlenija ta’ mewt madwar id-dinja. Fil-fatt, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rreġistrat 10 miljun mewta bil-kanċer matul is-sena 2020, bl-aktar kawża komuni tkun il-kanċer tal-pulmun li jammonta għal 1.8 miljun vittma. Dan jgħodd ukoll għal Malta, fejn il-kanċer tal-pulmun ġie rreġistrat bħala l-kawża l-aktar komuni tal-mewt tal-kanċer fl-2016. Din l-istatistika ma varjatx matul l-aħħar ftit snin, madanakollu importanti wkoll li wieħed jifhem li din ir-rata xorta hija fost l-aktar baxxi fl-UE. Din l-informazzjoni waħidha hija indikazzjoni ċara ta’ kemm jista’ jkun aggressiv dan il-kanċer u din kienet il-motivazzjoni ewlenija li ġiegħlet lil dan it-tim ta’ riċerka jagħżel li jistudja dan it-tip ta’ kanċer.

It-tim ta’ riċerka huwa magħmul minn numru ta’ studenti postgraduate u undergraduate li qed jiġu koordinati minn Dr Vanessa Petroni Magri u mill-Professur Anthony Fenech mill-Università ta’ Malta, flimkien mal-Konsulent Kirurgu Kardjotoraċiku f’Mater Dei, il-Prof. Joseph Galea, b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru ta’ Riċerka dwar il-Kanċer ta’ Marsilja fi Franza.

Dan il-proġett ta’ riċerka sar possibbli bis-saħħa ta’ finanzjament ta’ €200,000 mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) permezz tal-Programm għall-Iżvilupp Teknoloġiku (TDP).

Sport