Tuesday, April 30, 2024

Investiment ta’ €500,000 għar-restawr tal-Bastjun ta’ San Ġwann u l-Bieb Barokk

Parti mill-proġett ta’ konservazzjoni tal-Cottonera Lines

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaru x-xogħol ta’ restawr li qed jsir fuq il-Bastjun ta’ San Ġwann u l-Bieb Barokk f’Bormla. Dan il-proġett jagħmel parti minn proġett ferm ikbar li jħares lejn ir-restawr ta’ parti sostanzjali tal-Cottonera Lines u l-Margherita Lines, mill-Bastjun ta’ San Pawl sas-Sur ta’ San Klement u l-Bastjun ta’ Notre Dame.

Il-valur tax-xogħlijiet li qed jitwettqu fuq is-Sur ta’ San Ġwann u fuq il-Bieb Barokk jammontaw għal €500,000. Huwa ppjanat li dawn ix-xogħlijiet, li bdew f’Awwissu 2021, jintemmu sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Ministru Owen Bonnici, fl-intervent tiegħu qal li, “permezz ta’ din il-ħidma qed tiġi mwettqa wkoll wegħda elettorali. M’aħniex se nieqfu milli nkomplu nibnu fuq l-impenn tagħna lejn il-wirt kulturali għaliex b’dan il-mod qed nissalvagwardjaw il-wirt patrimonjali ta’ pajjiżna.”

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret ix-xogħol li sar mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr u qalet li grazzi għal dan l-investiment qed jiġi ppreservat il-wirt kulturali għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“Dan, filwaqt li nsaħħu l-valur turistiku tal-lokalitajiet tal-madwar,” ikkonkludiet is-segretarju parlamentari.

Għal din iż-żjara attenda wkoll iċ-Chairman tal-Kottonera Foundation Glenn Bedingfield qal li, “Permezz ta’ dan ix-xogħol qed naraw l-Istrateġija tal-Kottonera titwettaq u issa qed tilħaq il-lokalitajiet li jmissu mat-tliet ibliet. Irridu wkoll riġenerazzjoni għan-nies u għalhekk qed inħejju pjanijiet biex l-ispazji miftuħa madwar is-swar ikunu spazji ġodda li jitgawdew minn nies.”

Il-perit inkarigata minn dan ix-xogħol Ivana Farrugia spjegat fid-dettall l-intervent li sar. Hija qalet li fil-pjan oriġinali l-intervent maħsub kien jillimita ruħu għar-restawr tal-wiċċ tas-sur u għal dak tal-Bieb Barokk. “Wara ħsarat ikkaġunati minħabba maltempati matul ix-xitwa li għaddiet, ix-xogħol ġie estiż biex ikopri wkoll il-pjattaforma li tinsab fuq is-sur, liema pjattaforma hi wkoll is-saqaf tal-casemates li jinsabu tul Triq San Ġwann t’Għuxa,” qalet il-Perit Farrugia.

Sport