Saturday, February 8, 2025

Investiment ta’ miljuni biex jitjieb is-servizz tal-elettriku f’San Pawl il-Baħar — 18-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art

Aqra wkoll

Bħala parti mill-impenn kontinwu biex inkomplu naġġornaw u ntejbu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, Enemalta għaddejja bl-ikbar investiment ta’ dan it-tip fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar.

Bħalissa, qed jitpoġġew 18-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art b’investiment ta’ €7 miljun, xogħlijiet li se jaffettwaw madwar 25,000 klijent, kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali.

“Dan l-investiment juri l-impenn tal-Gvern biex jippromwovi sistema elettrika moderna u affidabbli. Huwa pass ieħor ’il quddiem biex inkomplu nindirizzaw il-ħtiġijiet tal-familji u n-negozji, filwaqt li nħarsu lejn l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż. Qed inkomplu naħdmu biex insaħħu l-infrastruttura kruċjali, u dawn il-proġetti se jkomplu jsaħħu l-infrastruttura kruċjali tal-enerġija,” qalet il-Ministru għall-Enerġija Dr Miriam Dalli waqt żjara fuq il-post flimkien maċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġ. Ryan Fava.

Biex jissaħħaħ il-proċess ta’ konsultazzjoni, Enemalta kellha wkoll laqgħat mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll ma’ diversi lukandiera fil-lokalità, fejn ġie spjegat il-proċess tax-xogħlijiet u l-impatt tagħhom fuq il-komunità.

Dan il-proġett jibni fuq ix-xogħol estensiv li sar matul il-2023 u l-2024 fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, meta ġiet irduppjata l-kapaċità taċ-ċentru tad-distribuzzjoni f’Buġibba, ġew mibnija tliet substations ġodda, kif ukoll tpoġġew diversi low voltage feeders. Dawn il-miżuri kellhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-infrastruttura tal-enerġija u jipprovdu servizz aktar affidabbli u effiċjenti lill-komunità lokali.

Min-naħa tiegħu l-Inġ. Fava spjega li dan il-proġett iġib ’il quddiem il-viżjoni tagħna għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija. “Għal darb’oħra, qed nieħdu l-inizjattiva biex intejbu l-provvista tal-elettriku għall-familji u n-negozji ta’ San Pawl il-Baħar, b’mod partikolari wara x-xogħlijiet importanti li għamilna l-aħħar sena.”

Parzjalment paralleli ma’ dan l-investiment, għaddejjin xogħlijiet simili f’diversi lokalitajiet oħra. Fl-ispirtu ta’ kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jitpoġġew aktar minn 60 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art f’21 lokalità madwar Malta u Għawdex, bil-għan li tittejjeb il-kapaċità u l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku fuq skala nazzjonali.

Dan l-isforz huwa parti minn viżjoni usa’ biex Malta tkun ippreparata aħjar għal sfidi futuri fil-qasam tal-enerġija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport