Friday, November 22, 2024

Ippubblikat studju mill-MFOPD dwar l-Assistenza Personali għal Persuni b’Diżabilità

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet għal Persuni b’Diżabilità (MFOPD) għadha kemm ippubblikat studju li jittratta s-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna fejn jirrigwarda Assistenza Personali għal Persuni b’Diżabilità. L-istudju, li għalih l-MFOPD ingħatat għajnuna minn fondi tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, sar minn Dr Lara Bezzina li ilha taħdem fil-qasam tad-diżabilità għal aktar minn 18-il sena.

L-istudju huwa konformi mal-ħidma li għaddejja bħalissa dwar ir-riforma tal-iskema tal-Assistenza Personali għal Persuni b’Diżabilità li qed titmexxa minn Aġenzija Sapport. Ir-riforma hija miżura tal-Manifest Elettorali tal-Gvern u li dwarha bħalissa hemm fis-seħħ perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika. Il-pjan propost jinkludi l-kollaborazzjoni sħiħa ta’ diversi msieħba soċjali inkluż il-persuni b’diżabilità infushom, professjonisti u esperti ewlenin mis-settur tad-diżabilità, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u barranin fosthom il-European Network on Independent Living (ENIL).

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet “Il-pubblikazzjoni tal-istudju waslet f’punt ideali għax huwa parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li l-pajjiż qed jagħmel fuq il-riforma għall-Assistenza Personali għal Persuni b’Diżabilià.

Għaldaqstant, li jkollok riċerka ta’ dan it-tip hija ta’ għajnuna biex meta tkun qed titfassal leġiżlazzjoni tkun imsejsa fuq fatti u anke fuq dak li s-settur ikun jixtieq jew inkella ikun qed jissuġġerixxi.”

Oliver Scicluna, CEO ta’ Aġenzija Sapport, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dak li ħareġ minn dan l-istudju. “Ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dan l-istudju nara fihom konverġenza ma’ dak li qegħdin naħdmu fuqu bħala Aġenzija fir-riforma tal-iskema tal-Assistenza Personali għal Persuni b’Diżabilità.”

Min-naħa tagħha, Marthese Mugliette, President tal-MFOPD, iddeskriviet l-Assistenza Personali bħala għodda importanti ħafna għall-persuni b’diżabilità għax permezz tagħha jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità.

Il-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar  ir-riforma mnedija mill-Gvern tagħlaq fit-30 ta’ Novembru li ġej. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu billi jidħol fid-dokument tar-riforma proposta li jinsab fis-sit www.konsultazzjoni.gov.mt. Is-suġġerimenti jistgħu jintbagħtu permezz ta’ formola onlajn minn dan is-sit, jew permezz ta’ email fuq [email protected] jew bil-miktub fl-indirizz Aġenzija Sapport, Riforma Assistent Personali, Professional Development Centre, Triq il-Ħarrub, Santa Venera.

Sport