Thursday, April 18, 2024

Ir-raġel arrestat wara li allegatament saq għal fuq il-pulizija għall-Qorti llum

Aqra wkoll

David Liniker Micallef ta’ 35 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li ġie arrestat wara li allegatament pprova jsuq fuq il-pulizija f’Ħ’Attard se jitressaq fil-Qorti llum waranofsinhar.

Il-każ seħħ l-Erbgħa filgħaxija, għall-ħabta tal-11.30pm, fi Triq l-Imdina waqt li l-pulizija kienu qed jagħmlu kontroll tat-traffiku.

Huma għamlulu sinjal biex jieqaf għax deher li kellu l-liċenzja skaduta madankollu huwa żied il-veloċità fid-direzzjoni tagħhom tant li l-uffiċjali kellhom iwarrbu biex ma jintlaqtux. Is-sewwieq ħarab minn fuq il-post bil-pulizija jsegwuh sakemm iċċirkondawh u arrestawh fi Triq Ħ’Attard, f’Ħaż-Żebbuġ.Il-Pulizija qalet li fil-vann instabet arma tan-nar ikkargata bil-balal kif ukoll sustanza bajda suspettata kokaina.

Saret ukoll tfittxija f’garaxx f’Birkirkara u fid-dar tar-raġel fejn instabet aktar sustanza suspettata li hi kokaina, eroina u kannabis. Sabu wkoll imwieżen, sikkina kbira b’xafra ta’ madwar 45 ċentimetru u diversi balal.

Micallef mhuwiex wiċċ ġdid mal-Pulizija tant li fil-passat huwa kien akkużat fuq reati oħra fosthom serq u każi relatati ma’ droga.

Ekonomija

Sport