Saturday, May 18, 2024

Ir-raġel li għex minn fuq l-imħatri fuq l-eżitu tal-Eurovision!

Aqra wkoll


Il-fantiżmu estrem ta’ xi wħud dwar il-Eurovision Song Contest ma jagħrafx limitu. Saħansitra tiġihom anki t-tentazzjoni li jilgħabu ġidhom fuq il-kanzunetta li jaħsbu tkun se tirbaħ fil-finali. Għal ħafna telespettaturi, l-aqwa parti tal-Eurovision hija l-votazzjoni. Douze Points! Imma kollox idur fuq jekk ir-riżultat finali jkunx favur dawk li jagħmlu l-imħatri u jekk ikunux rebħu għexieren ta’ eluf ta’ liri jew jekk tilfux anki id-dar tagħhom stess fl-imħatra

Dik l-agunija ta’ antiċipazzjoni ffaċċja Daniel Gould fl-2018 wara li litteralment lagħab d-dar tiegħu fuq ir-riżultat tal-Eurovision. Hekk kif il-voti nġabru, żewġ pajjiżi biss, Iżrael u Ċipru kienu fil-konfront min minnhom se jikseb l-akbar televote?

Daniel kien lagħbi professjonali tal-Eurovision għal kważi għaxar snin sħaħ. Minn dejjem kien partitarju akkanit tal-Eurovision, iżda fl-2004, induna li seta’ jagħmel il-flus minn dan il-festival Ewropew. Huwa ddeċieda li jieqaf mix-xogħol tiegħu bħala għalliem tal-istorja u jmur full-time bħala ‘gambler’ tal-Eurovision.

Dik kienet is-sena li l-Eurovision introduċa s-semifinali. Daniel ikkalkula li xi pajjiżi kienu kważi ċerti li jiksbu biżżejjed punti tat-televote biex jikkwalifikaw għall-finali, abbażi ta’ kif jiġu mqassmin il-voti, jiġifieri dawk f’pajjiżi oħra li jivvutaw għal art twelidhom. Per eżempju, it-Torok fil-Ġermanja jivvutaw għat-Turkija, jew ir-Rumeni fl-Italja jivvutaw għar-Rumanija.

Daniel għamel imħatri kbar, b’odds qosra, fuq kanzunetti li jikkwalifikaw. Kien hemm drabi li ssogra £100,000 biex jirbaħ £3,000. Huwa kien ikkalkula li dawn l-imħatri kienu prattikament ħaġa ċerta. Iżda jistqarr li hekk kif ikunu qed jitħabbru r-riżultati huwa joqgħod wiċċu mal-ħajt, jigdem difrejh.

Ir-rebħiet, madankollu baqgħu jidħlulu. Fl-2009, Daniel Gould appoġġja l-kanzunetta Fairytale ta’ Alexander Rybak li jirbaħ il-konkors tant li fuq dik il-kanzunetta wasal biex ipoteka l-appartament tiegħu fil-Majjistral ta’ Kentish Town f’Londra.

Għal xhur kull sena, huwa għex minn fuq l-imħatri fil-Eurovision billi janalizza xejriet, jirriċerka l-artisti u jsegwi dak li jingħad fuq forums ta’ diskussjoni. Huwa kien jiskrutinizza l-odds li dejjem jinbidlu f’diversi swieq, minn rebbieħ għall-aqwa għaxar sa kwalifikanti semi-finalisti.

Minkejja li l-għarfien storiku li kellu għenu biex jifhem aħjar ir-relzzjonijiet bejn il-pajjiżi u kien brillanti ta’ kif jiżen ix-xejriet u kull ħjiel, madankollu mhux dejjem ġietu tajjeb.

Kien jinnegozja dawn l-imħatri tal-Eurovision bħalma jagħmlu s-sensara li jinnegozjaw ishma, u jipprova jantiċipa bidliet fis-sentiment. Għalih, dan ma kienx logħob tal-azzard kompulsiv imma kien xogħol iebes bla waqfien u riskju kkalkulat.

Kull sena, qabel il-Eurovision, kien jissellef il-flus fuq il-valur tal-appartament tiegħu. Kull darba, wara l-Eurovision, dejjem ħallas lura l-flus li jkun issellef.

F’sena tipika, kien jirbaħ madwar £50,000 u kien iqatta’ l-ħin jivvjaġġa mad-dinja. Daniel li kien iħobb il-Eurovision u kien qed jgħix il-ħolma tiegħu, f’Diċembru tal-2018, miet għall-għarrieda waqt wieħed mill-vjaġġi tiegħu, fl-eta ta’ 43 sena. L-awtopsja rriżultat li huwa kellu tumur f’moħħu bla ma kien jaf.

Sport