Saturday, May 4, 2024

Minkejja l-isfidi li jġib miegħu l-irwol ta’ omm, xorta huwa “wieħed mill-isbaħ rigali tal-ħajja”

Pauline Agius

Aqra wkoll

Jumejn oħra se nkunu qed niċċelebraw ġurnata tant għażiża: Jum l-Omm. Talk.mt tkellem ma’ diversi ommijiet ġejjin minn strati differenti tas-soċjetà Maltija u minn kull qasam tal-ħajja, fejn qasmu magħna l-fehmiet tagħhom rigward xi jfisser li tkun omm fil-ħajja tal-lum. Fost dawk li qasmu l-esperjenza tagħhom kien hemm Pauline Agius.

Pauline bdiet billi ddeskriviet l-irwol tal-omm bħala wieħed mill-isbaħ rigali li tista’ qatt tirċievi mingħand Alla, però ma naqsitx milli telenka l-fatt importanti immens: dik li l-irwol tal-omm iġib miegħu bosta responsabbilitajiet kif ukoll minn żmien għall-ieħor xi inkwiet. Madanakollu saħqet li: “Nerġa’ nirrepeti li huwa wieħed mill-isbaħ rigali tal-ħajja!”

“Li tkun omm tfisser li tkun ukoll ħafna affarijiet oħra – ‘Superwoman’,” kompliet tgħidilna. Dan għaliex fis-soċjetà tal-lum il-maġġorparti tal-ommijiet għandhom karriera wkoll apparti rwoli oħra. “Imma jien nemmen ħafna li jekk ikollok bilanċ tajjeb u sapport kontinwu, kull omm tista’ tlaħħaq ma’ kollox. Apparti minnhekk, nemmen ukoll li n-nisa huma ‘multitaskers’ professjonali għall-aħħar u bijoloġikament kapaċi jagħmluha!”
 
“L-ommijiet li diġà qed jagħtu l-aħjar lil uliedhom ngħidilhom li qed jagħmlu investiment kbir u jalla s-sagriffiċċji li jgħaddu minnhom issarrfu fi frott fil-ħajja ta’ wliedhom,” qaltilna Pauline.

Fl-aħħar nett hija enfasizzat li l-aqwa rigal li nistgħu nagħtu lit-tfal huwa parti mill-ħin tagħna: “Kull sekonda li tqatta’ mat-tfal hi l-aktar ħaġa prezzjuża fid-dinja għax il-valur tal-ħin ma jistax jitkejjel jew jingħata prezz! Lill-ommijiet li jixtiequ jsiru ommijiet, ngħidilhom: kunu afu li deħlin għall-isbaħ esperjenza, imma kunu ċerti li lesti biex vera tkunu l-aħjar ommijiet li wliedkom jixiriqilhom!”

Sport