Saturday, May 4, 2024

Ir-refuġjati mill-Ukrajna

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, il-Kummisarju għar-Refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti qal li n-numru ta’ nies li ħallew l-Ukrajna sabiex isibu refuġju ġewwa pajjiżi oħra issa laħaq l-erba’ miljuni. Ma’ dawn wieħed irid isemmi wkoll il-kważi seba’ miljun ruħ li kellhom jiċċaqilqu gewwa l-Ukrajna stess. Dan kollu jfisser li aktar minn kwart taċ- ċittadini Ukreni kellhom jitilqu minn djarhom minhabba il-gwerra.

In-numru diġà kbir ħafna ta’ nies li ħallew l-Ukrajna jista’ jilħaq livelli astronomiċi li kieku l-irġiel ta’ anqas minn sittin sena jitħallew jingħaqdu mal-familji tagħhom, peress li bħalissa dawn huma maqbudin bil-lieva. Li kieku dan kellu jseħħ, in-numru ta’ Ukreni li jkunu ħallew pajjiżhom mistenni jilħaq it-tnax-il miljun u b’hekk dan ikun l-aktar eżodu ta’ nies fl-istorja. Għalkemm bħalissa r-rata ta’ tluq tan-nies minn gewwa l-Ukrajna batta xi ftit din laħqet l-aktar numru fl-istorja wara li kien hemm xi ġimgħat li fihom ħallew pajjiżhom aktar minn miljun ruħ kull ġimgħa.

Naturalment, dan kollu qiegħed joħloq ħafna tensjoni fost il-gvernijiet tal-pajjiżi Ewropej li qegħdin jilqgħu lil dawn in-nies ġewwa fihom kif ukoll fost l-NGO’s u aġenziji oħra ġewwa ħdan in-Nazzjonijiet Uniti li qegħdin jikkordinaw dan iċ-ċaqliq kbir ta’ persuni.

Għajnuna kbira 

Sa issa, r-risposta Ewropeja għal dan l-eżodu kienet waħda tassew ġeneruża. L-Unjoni Ewropeja applikat għall-ewwel darba d-Direttiva tal-Protezzjoni Temporarja. Din id- direttiva tagħti permess lir-refuġjat, f’dan il-każ Ukreni, sabiex jgħixu, jaħdmu u jirċievu xi benefiċċji oħra f’sitta u għoxrin pajjiż mis-sebgħa u għoxrin li jiffurmaw l- Unjoni Ewropeja. Permezz ta’ din id-direttiva, dawn il-povri nies ffrankaw il-martirju li kellhom jgħaddu minnu l-mijiet ta’  eluf ta’ Sirjani li kienuħallew pajjiżhom lura fl- 2015 u li kienu ppruvaw isibu refuġju ġewwa l-Ewropa. Dawn kellhom jgħaddu minn ħafna burokrazija żejda sabiex setgħu japplikaw għall-ażil politiku u ħafna minnhom spiċċaw umiljati ġewwa ċentri ta’ detenzjoni.

Pajjiżi li għandhom il-fama li ma jagħtux l-ażil lil refuġjati ġewwa ħdanhom, din id- darba, forsi minħabba li l-kulur tal-ġilda tar-refuġjati Ukreni ma huwiex skur bħal dak tas-Sirjani kif ukoll minħabba li l-Ukreni jħaddnu  reliġjon Kristjana, qegħdin jilqgħu għandhom numru kbir minn dawn in-nies. Filfatt, fil-Polonja sa issa hemm aktar minn żewġ miljun Ukren li għadhom kemm ħarbu minn pajjiżhom. L-istess jista’ jingħad għall-Ungerija ta’ Orban li fl-2015 kien irrifjuta li jilqa’ ġewwa pajjiżu refuġjati Sirjani. Sa issa, ġewwa l-Ungerija hemm kważi nofs miljun ruħ mill-Ukranja.

L-Istati Uniti diġa’ qalu li sejrin jilqgħu ftit aktar minn mitt elf refuġjat mill-Ukrajna kif ukoll taw aktar minn biljun Dollaru bħala għajnuna għalihom. Il-Kanada li  fiha qabel ma bdiet il-gwerra kienu jgħixu l-akbar numru ta’ Ukreni fetħet il-bibien għal dawn ir- refuġjati mingħajr wisq restrizzjonijiet.

Diversi pajjiżi fosthom l-Ġermanja u r-Renju Unit qegħdin joffru ħlasijiet lill-familji sabiex jilqgħu fi djarhom lil dawn l-imsejkna . L-Italja ukoll qegħda tagħti xi ħlasijiet lil xi familji fil-belt ta’ Modena fejn hemm konċentrazzjoni ta’ familji ta’ dixxendenza Ukrena li ilhom jgħix hemm sa minn qabel il-bidu ta’ din il-gwerra.

Fuq kollox, l-ghajnuna li qegħdin jagħtu ħafna minn dawn il-pajjiżi lir-refuġjati Ukreni kienet faċilitata ferm minħabba li huma kienu diġa’ daħlu ħafna liġijiet wara dak li kien ġara fl-2015 vis-à-vis is-Sirjani. 

It-triq ‘l quddiem

Naturalment, il-kontinwazzjoni  tas-suċċess ta’ kif bħalissa qegħda tiġi mmaniġġjata l- kriżi umanitarja tiddependi ħafna fuq kemm il-pajjizi li qegħdin jilqgħu lil dawn in- nies sejrin ikunu kapaċi jintegrawhom. 

Fil-Ġermanja, t-tfal tar-refuġjati Ukreni li qegħdin isibu klassijiet lesti għalihom sabhiex huma jkunu b’mod immedjat esposti għall-lingwa Ġermaniża u jitgħallmu wkoll il-mod ta’ kif huma mistennija jġibu ruħhom ġewwa l-Ġermanja.

Ironikament, teżisti l-possibilità li dawn ir-refuġjati jafu jkunu aktar ta’ benefiċċju milli ta’ piż għal xi wħud mill-pajjiżi li qegħdin jilqgħuhom. Filfatt, fil-każ ta’ pajjiżi bħall- Ġermanja u l-Polonja fejn hemm nuqqas kbir ta’ riżorsi umani f’ċertu setturi, dawn l- Ukreni li ta min jgħid ukoll, ħafna minnhom għandhom ħafna aktar kwalifiċi akkademiċi minn dawk Sirjani li kienu waslu għandhom, jafu jimlew dan il-vojt li jeżisti. Ovvjament, minħabba li kif diġa’ għedna aktar ‘lfuq bħalissa l-maġġoranza tar- refuġjati huma nisa u tfal dan l-argument jaf jitlef naqra mis-saħħa tiegħu.

Il-pajjiżi li qegħdin jilqgħu dawn ir-refuġjati għandhom ukoll jassiguraw li dawn in- nies jitqassmu kemm jista’ jkun madwar l-ibliet kollha sabhiex ma jkunx hemm konġestjoni tagħhom kif per eżempju qiegħed jiġri bħalissa fl-ibliet Polakki ta’ Varsavja u Krakovja. Dan l-argument qiegħed jiġi mbuttat ħafna mill-Ġermanja permezz tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Annalena Baerbock. Kontrih hemm argument li qiegħed iġib l-Gvern Pollakk li r-refuġjati għandhom jiddeċiedu huma fejn iridu jmorru. Ovvjament dan l-argument jista’ joħloq sitwazzjoni bħal dik li  hemm fil- Moldova li bħalissa ġewwa fiha hemm ħafna aktar refuġjati milli dan il-pajjiż jista’ jilqa’ ġewwa fih. Dan minħabba li ħafna Ukreni qegħdin jippreferu li joqogħdu ġewwa l-Moldova minħabba li ħafna Moldovani jafu jitkellmu bir-Russu li hija lingwa viċin ferm l-lingwa Ukrena.

L-NGO’s li qegħdin joffru għajnuna kbira għal din il-kriżi umanitarja qegħdin jisperaw li dan is-suċċess ta’ kif qegħda tingħata l-għajnuna lir-refuġjati jservi bħala mudell għal kriżijiet umanitarji oħra li jaf ikollna minn gwerer oħra fil-futur. Però, hemm is-suspett li ħafna minn din il-ġenorżità li qegħdin naraw taf tkun ta’ darba biss minħabba li hija l-konsegwenza tal-fatt li din il-gwerra qegħda qrib ħafna tal-pajjiżi tal-punent kif ukoll minħabba li l-interessi diretti li għandha n-NATO.

Sport