Il-poplu Malti għadu poplu Nisrani ferventi. Għadu fil-maġġoranza assoluta tiegħu jemmen li jeżisti Alla. Dan ħareġ b’mod mill-aktar ċar mill-istudju tal-istatistiku Dr Vincent Marmarà dwar l-Istat tan-Nazzjon fejn 88.9% tan-nies wieġbu li huma jemmnu f’Alla.
Minnaħa l-oħra, kienu biss 8.2% li ddikjaraw li ma jemmnux f’Alla, għalkemm dan jirrifletti f’żieda ta’ 1.6% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Għalhekk f’dan ir-rigward, ikun tajjeb li nieqfu u nirriflettu ftit dwar ir-rilevanza tar-reliġjon f’ħajjitna.
Fil-ħajja mgħaġġla tagħna ta’ kuljum, kemm qed jirnexxilna nsibu ħin għal Alla? Kemm hija importanti r-reliġjon fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna? Mistoqsijiet kumplessi li għalihom jingħataw diversi tweġibiet.
Min-naħa l-oħra, ta’ min jinnota wkoll li għalkemm il-poplu fil-maġġoranza assoluta tiegħu jemmen f’Alla, dan mhux bl-istess livell ta’ importanza li jagħti lir-reliġjon. L-istħarriġ sab ukoll li inqas minn 40% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ fl-2024 qalu li jikkunsidraw ħafna r-reliġjon meta jieħdu d-deċiżjonijiet dwar dak li huwa tajjeb jew ħażin (38.9%).
Dan juri tnaqqis sewwa meta mqabbel mas-sena preċedenti b’persentaġġ ta’ 49.0%. Minkejja dan kollu, nemmnu li l-valuri tas-solidarjetà għadhom b’saħħithom f’pajjiżna. Dan huwa rifless fil-ħafna maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru minn żmien għal żmien.
Dan ukoll huwa xi ħaġa spiritwali li l-Maltin huma rinomati għaliha. Iżda minkejja dan jidher li hemm xi ħaġa li qed tbiegħed lin-nies mhux biss mill-Knisja imma qed iċċekken il-fidi tagħhom. Sadanittant, l-istess studju ma jitkellimx biss dwar ir-reliġjon imma dwar diversi temi li jolqtuna fil-ħajja ta’ kuljum.
Minn għażliet li nagħmlu f’ħajjitna, il-bdil fis-sitwazzjoni finanzjarja sa temi oħra li jinkludu l-politika u l-kultura fost oħrajn. Quddiem dan kollu nemmnu li studji bħal dawn għandhom jibqgħu jsiru għaliex jagħtu stampa verament ċara tas-soċjetà tagħna kif inhi llum u lejn fejn sejra fil-ġejjieni.
Barra minn hekk, dan minnhom innifishom joffru wkoll opportunità għal rimedju ta’ dak li jkun qed isir ħażin, billi jitpoġġew fuq il-mejda rakkomandazzjonijiet li jwasslu għal dik id-direzzjoni għat-titjib.