Monday, April 29, 2024

Ir-Rettur tal-Università jappella lill-istudenti jużaw moħħhom

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

4,600 student ġdid bil-parti l-kbira tat-tagħlim se jsir online

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Profs. Alfred Vella, appella lill-istudenti biex jużaw moħħhom f’dan iż-żmien u ma jħallux “għadu inviżibbli u bla moħħ” jegħlibhom.

Huwa irrimarka dan fid-diskors tiegħu waqt l-inawgurazzjoni tas-sena akkademika fl-Università li kif mistenni ġiet affettwata mill-pandemija tant li fil-parti l-kbira tiegħu t-tagħlim se jsir online.

F’sala kważi vojta, għajr għall-preżenza tal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici kif ukoll staff u xi studenti, il-Professur Vella spjega kif din is-sena daħlu 4,600 student ġdid li jfisser 300 aktar mis-sena li għaddiet anke jekk naqsu drastikament dawk barranin.

Huwa semma kif għalkemm l-istudenti għal din is-sena kellhom bżonn 44 punt biex jidħlu l-Università ta’ Malta minħabba l-Covid19 tħallew jidħlu b’mod proviżorju dawk li ġabu 36 punt.

Fl-istess waqt li irrefera għat-tagħlim online bħala l-mod kif se jsir il-parti l-kbira tal-edukazzjoni, ir-Rettur għamilha ċara li l-aħjar mod kif l-istudenti jikkomunikaw bejniethom u mal-għalliema jibqa’ dak fuq il-kampus.

Hawnhekk saħaq li se jaraw li n-numru ta’ studenti jkun limitat u waqt li semma li dawk preżenti se jkollhom ‘wristband’ li turi kif itteħditilhom it-temperatura ħeġġiġhom biex jużaw is-sanitizers u jilbsu l-maskri.

Ir-Rettur tal-Università iffoka ħafna mid-diskors tiegħu fuq it-tibdil fil-klima u waqt li semma kif il-pandemija wasslet għal inqas vjaġġar u traffiku u għalhekk inqas tniġġiż insista li d-dinja trid tiffoka fuq it-tibdil fil-klima daqskemm fuq il-pandemija.

Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) Matthew Xuereb li irrimarka kif qed ngħixu żmien storiku u konsegwenzjali minħabba l-pandemija.

Huwa appella lill-istudenti sħabu biex jibżgħu għal xulxin u waqt li semma kif l-ikbar pjaga kienet l-indifferenza fakkar lil kulħadd li wara n-numri u l-istatisiċi hemm in-nies.

Xuereb irrefera għat-tielet anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u waqt li kellu kliem ta’ kritika għall-aġir ta’ ċertu istituzzjonijiet insista li s-soċjetà trid tkun ġusta lejn kulħadd u tara li l-ġid jitqassam ma’ kulħadd mhux mal-ftit.

Lejn tmiem il-kelmtejn tiegħu huwa appella biex il-pajjiż jindirizza l-problema tal-‘early school leavers’ hekk kif qal li Malta għandha t-tieni l-ogħla rata.

Sport