Ir-riforma tal-Appelli fl-Ippjanar: Xhieda ta’ Gvern li jisma’ u jwettaq fejn hemm bżonn

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista fil-Gvern iwettaq dak li jwiegħed u f’inqas minn 100 jum diġà ressaq quddiem il-Parlament riforma oħra importanti li se twassal  għal pjanar aktar ġust, ċar u effettiv. 

Dan huwa sinjal ieħor tal-ħeġġa kbira u l-enerġija li għandu l-Partit Laburista fil-Gvern, wara r-raba’ mandat storiku li ngħata mill-poplu. 

Il-Partit Laburista jilqa’ din ir-riforma bħala pass ieħor kuraġġuż ta’ Gvern li ma jibżax jiddeċiedi favur dak li hu ġust lejn persuni privati jew għaqdiet li jappellaw minn żvilupp jew inkella lejn l-applikant innifsu. 

Dan huwa Gvern li matul is-snin ma ddejjaq xejn jieħu passi biex jaċċerta li settur bħal dak tal-kostruzzjoni ma jibqax jopera bil-free-for-all. U bħal ma għamel f’dan is-settur għamel f’setturi oħrajn, bħal dak tal-airbnbs, tal-karozzi bil-Y Plates u anke l-ħaddiema tal-pjattaforma. 

Kien għalhekk jixraq li tkun indirizzata r-realtà ta’ appell fl-ippjanar li mhux qed jipproteġi biżżejjed lil min jappella. Dan għaliex sal-lum, minkejja li jsir appell, ix-xogħol jibqa’ għaddej jew saħansitra jitlesta sa meta jinqata’ l-appell. 

Dan il-pass juri li l-Gvern tassew jisma’ l-vuċijiet ta’ kulħadd, tant hu hekk li se jkun qed jiftaħ proċess ta’ konsultazzjoni biex jisma’ mingħand l-istakeholders, l-għaqdiet jew assoċjazzjonijiet kif ukoll ċittadini privati li għandhom interess partikolari f’din il-bidla. 

Filwaqt li Partit Nazzjonalista, meta kellu l-poter jilleġiżla, qabad art id-daqs tas-Siġġiewi u tefagħha għall-iżvilupp, Gvern Laburista qed jintroduċi ċ-checks and balances meħtieġa biex l-interessi ta’ kulħadd ikunu tassew imħarsa. 

Din hija l-vera differenza bejn min jitkellem u min jiddeċiedi. Il-Partit Laburista jistieden lil dawk kollha li għandhom interess fil-materja biex jipparteċipaw fil-proċess konsultazzjoni qabel il-Gvern iressaq abbozz ta’ liġi għat-tieni qari fil-Parlament. 

Il-Partit Laburista jfakkar ukoll li din hija wegħda oħra fil-Manifest ‘Int Malta’ li se tkun qed titwettaq, xhieda ċara li l-Partit Laburista  jwettaq dak li jwiegħed.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport