Mal-ħabib tiegħi Joe kemm il-darba konna nitkellmu dwar it-traġedja ta’ El Adem. Kien spegali li se jipprova jagħmel kuntatt ma’ Mons Arċisqof Pawl Cremona biex dak li kien ilu jberren f’moħħu iseħħ. Joe bħal ħafna oħrajn li missew ma’ din it-traġedja jew skansawha bi żbrixx, kien dispjaċut.
Dan minħabba l-fatt li s-Surġent Leli Falzon, kien ġie rifjutat li jindifen fiċ-ċimiterju tan-Naxxar u kien spiċċa indifen fiċ-ċimiterju tal-Ingliżi f’Pembroke. Tistgħu timmaġinaw il-weġgħa tal-familjari u anke għal oħrajn li ħadmu miegħu fil-qrib.
Rifjutat difna għax kien ivvota lill-Partit Laburist. Meta avviċinat Mons Cremona iddeċieda li jiltaqa’ mal-qraba tal-vittmi. Semagħhom. Kienet laqgħa emozzjonanti għall-aħħar. Finalment seħħet ir-rikonċiljazzjoni li tant kienet mistennija. Niftakar inkellem lil Mons Cremona, biex jagħtini l-ħsieb tiegħu dwar dak li kien għadu kif twettaq. Kien qalli iżda li jippreferi li kollox jinżamm kwiet. Ma qbiltx miegħu. Imma dak hu Mons Cremona. Jaħdem fis-skiet. Fil-kwiet.
Fit-traġedja ta’ El Adem, kien ġġarraf ajruplan tat-tip ‘Hastings’ 498 u li f’dik it-traġedja mietu 15-il suldat Malti u żewġ Ingliżi, kemm dawk li kienu salvaw minn din it-traġedja kif ukoll qraba ta’ dawk li mietu, kellhom tramiez u feriti li baqgħu m’għalqux.
Kollox idur mas-surġent Naxxar Leli Falzon, li kien irnexxielu joħroġ mill-ajruplan iżda reġa’ daħal biex isalva lil ħaddieħor u spiċċa vittima hu ukoll. Falzon għax kien ivvota lill-Partit Laburista kien ġie rifjutat li jindifen fiċ-ċimiterju tan-Naxxar. Finalment spiċċa indifen fiċ-ċimiterju tal-Ingliżi f’Pembroke. Il-weġgħat għal martu u uliedu kienu kbar. It-trawma baqgħet hemm. Aktar u aktar meta saru jafu li l-pensjoni kienet twaqqfitilhom u dan sempliciment għax Leli kien ivvota għall-Partit Laburista.
Dak li ma sarx żmien ilu, sar fis-sena 2013. Dan b’intervent mill-aktar umli tal-Arċisqof Mons Pawl Cremona.
Hu mhux biss iltaqa’ mal-mara tas-surġent Falzon, semgħa minn xhiex għaddiet u t-trawma li sofriet iżda fil-laqgħa ħareġ biċ-ċar l-ispirtu konċiljatorju minn naħa tal-Knisja Maltija għall-mod kif ġabet ruħha f’dawk iż-żminijiet li kompliet żiedet mat-tbatija ta’ dawn il-familjari. Mons Cremona kien iltaqa’ mal-mara ta’ Falzon f’darha fejn tkellem magħhom flimkien ma’ wieħed minn dawk li salvaw u ieħor li suppost kellu jkun fuq it-titjira iżda ġie lejn Malta ftit siegħat qabel għax kien marid.