Sunday, November 24, 2024

Ir-Rumen maqtul f’Diċembru kien implikat fi pjan biex tinħataf Victoria Beckham

Aqra wkoll

Ir-Rumen li f’Diċembru li għadda nqatel b’daqqiet ta’ sikkina f’Paceville kien implikat fi pjan biex tinħataf Victoria Beckham, l-eks membru tal-grupp Spice Girls u mart l-eks futboler David Beckham.

Dan ħareġ mill-Qorti hekk kif quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tat-tliet Rumeni mixlijin li fil-5 ta’ Diċembru qatlu lil Josef Rivas b’madwar 28 daqqa ta’ sikkina.

L-Ispettur Bryan Xuereb xehed kif minn investigazzjoni li għamlet il-Pulizija Maltija rriżulta li l-Pulizija Ingliża sfrattaw pjan li fih kien hemm involut Rivas. Skont dan l-istess pjan Beckham kellha tinħataf biex tintalab is-somma ta’ €7 miljun f’kumpens għall-ħelsien tagħha. Barra minn hekk huwa kien implikat fi kriminalità oħra fosthom każ ta’ serq.

Fis-seduta tal-lum ġie esebit ukoll filmat li juri lit-tliet akkużati jidhru mexjin f’Paceville b’wieħed minnhom jidher li kellu xi ħaġa twila f’idu, imbagħad jidħlu f’appartament. Sussegwentament jidhru ħerġin u jħallu warajhom dawk li jidhru li kienu qtar ta’ demm u mara li tidher timsaħ warajhom.

F’din il-kumpilazzjoni l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Charmaine Cherrett qed jidhru għall-akkużati.

Sport