Friday, May 17, 2024

“Irridu lqugħ aħjar għax iż-żwiemel parti mill-familja tagħna”

Isostni li ż-żwiemel huma kollha ċertifikati biex jagħmlu dan ix-xogħol

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hija x-xewqa tas-sidien tal-karozzini li jiġu mtejba u mkabbra t-tined li taħthom ikunu jistgħu jistkennu ż-żwiemel. Fil-fatt, dwar dan qed isiru diskussjonijiet kontinwi mal-awtoritajiet konċernati u anke mal-Gvern.

F’intervista ma’ dan is-sit, Christian Caruana mill-Għaqda Kuċċiera tal-Karozzin Tradizzjonali Malti enfasizza fuq l-importanza li ż-żiemel, waqt li jkun wieqaf, ikollu post kenni u għad-dell. 

Dan mhux biss fix-xhur sħan tas-sajf imma wkoll anke fix-xitwa, billi huma jaħdmu wkoll f’dan il-perjodu. Għalhekk saħaq fuq il-ħtieġa li ż-żwiemel ikollhom dan l-ilqugħ li jipproteġihom mill-elementi kollha tat-temp.

“Iż-żwiemel huma parti mill-familja tagħna. Naħdmu biex naqilgħu l-għajxien tagħna għalina u biex immantnu ż-żwiemel ukoll. Irridu nħarsuhom mix-xemx. Mhux kif ħafna jaħsbu, li fis-sħana ż-żiemel ma jaħdimx. 

“Iż-żiemel tal-karozzin fil-parti l-kbira tal-ħin tiegħu se jkun wieqaf. Mhux se jkun għaddej bit-turisti. F’dak il-perjodu li se jkun wieqaf, il-prijorità hi li dan iż-żiemel ikun għall-frisk u għad-dell, ikollu ilma adegwat fost oħrajn,” tenna Caruana. 

Mistoqsi dwar l-avviż legali b’rabta mas-sewqan tal-karozzini fis-sajf, huwa sostna li dan laqathom b’mod ħażin ħafna billi f’dawn ix-xahrejn tas-sajf ikunu l-aktar impenjattivi għalihom u jkollhom l-aktar xogħol.

Huwa qal li ż-żwiemel tagħhom huma kollha ċċertifikati li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol. L-avviż legali jistipula li bejn Lulju u Awwissu ma jistgħux jinstaqu karozzini fil-ħin ta’ bejn is-1.00 p.m. u l-4.00 p.m. 

Hawn Caruana ġab l-eżempju f’każ li jsib ħafna traffiku u jkun qiegħed jippjana li jkun f’post f’nofs siegħa iżda jispiċċa jdum aktar u jaqbeż il-ħin tas-1.00 p.m.. Qal: “Għandu għalfejn xi ħadd jeħodli filmat u jżeblaħni ma’ Malta u Għawdex kollha u saħansitra nitressaq quddiem il-Qorti u nitqies daqslikieku jien xi kriminal?”.

Huwa ċċara li dawra biż-żiemel tieħu madwar 35 minuta fejn dan ma jibqax għaddej il-ħin kollu iżda jkun hemm perjodi ta’ waqfien biex fost oħrajn il-kuċċier jispjega lit-turisti dwar l-istorja ta’ Malta. “Isemmulna t-telgħat, aħna nitilgħu b’pass mgħaġġel biex iż-żiemel jitla’ b’mod aħjar u kif jitla’ mmexxuhom bil-mod,” kompla jispjega Caruana.

Finalment, huwa saħaq li jħoss li x-xogħol tagħhom ħa daqqa ta’ ħarta kbira. Qal li huwa għalhekk li qegħdin isemmgħu leħinhom u jitkellmu mal-awtoritajiet biex jiġu rranġati l-affarijiet. 

Qal li r-raġuni għalfejn daħlu fil-GWU huwa sabiex ikollhom l-istess drittijiet bħalma għandhom il-ħaddiema kollha. “Kulma rridu li bħala ħaddiema jkollna dritt li naħdmu u li nkomplu noperaw u jekk hemm bżonn, intejbu s-settur tagħna,” tenna l-kelliem għall-Għaqda Kuċċiera tal-Karozzin Tradizzjonali Malti.

Sport