Saturday, December 28, 2024

“Irridu nkomplu nsaħħu riforma li diġà tat ħajja mill-ġdid lil 278 ruħ”

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard kellu laqgħa mal-pubbliku f’Raħal Ġdid bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika fuq ir-riforma għall-ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga.

Aqra wkoll

Il-Ministru Attard saħaq kif mill-introduzzjoni tal-Qorti tad-Droga fl-2015 sal-lum, 278 persuna temmew b’suċċess il-pjan ta’ kura provdut mill-bord, u ħadu ħajjithom lura mill-ġdid, filwaqt li hemm 115 oħra li għaddejjin attwalment bil-pjan.

“Dawn in-nies ikomplu jimlewna bil-kuraġġ biex inkomplu nibnu fuq is-suċċess miksub u naraw li jkollna aktar vittmi ġenwini tad-droga li jingħataw iċ-ċans jerġgħu jqumu fuq saqajhom mill-ġdid,” tenna l-Ministru.

Min-naħa l-oħra l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni spjega wkoll li kien hemm 150 każ fejn wara li l-Qorti kkonvertiet f’Qorti tad-Droga, il-vittmi tad-droga ma ħadux l-opportunità li ngħatatilhom biex jirriabilitaw ruħhom u ntbagħtu lura l-Qorti biex jingħataw il-piena mistħoqqa.

Il-pubbliku pparteċipa b’mod attiv fid-diskussjoni b’diversi interventi u mistoqsijiet tul il-laqgħa ta’ konsultazzjoni. Il-Ministru wieġeb għall-ħsibijiet li tressqu u nnota kif b’mod ġenerali l-proposti tar-riforma ntlaqgħu tajjeb mill-pubbliku u mill-istakeholders. Huwa rrijaferma l-impenn tal-Gvern li jkompli bil-ġlieda kontra dawk li għall-gwadann finanzjarju u profitt, jagħżlu li jittraffikaw id-droga. Il-Ministru Attard kompla jgħid li ma’ dawn se tibqa’ tintwera id iebsa, filwaqt li ma’ dawk il-vittmi li jispiċċaw fiċ-ċirku vizzjuż li d-droga ddaħħlek fih, il-Gvern se jkompli joħroġ l-id tal-għajnuna.

“Ir-riforma għall-ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga u l-konsultazzjoni b’saħħitha li qed issir mal-istakeholders, vittmi, organizzazzjonijiet u l-pubbliku inġenerali, hija opportunità biex flimkien inkomplu nsaħħu dan il-proċess biex inkunu soċjetà li mhux biss tkun taf tahder lill-vittmi tad-droga, imma toffrilhom kull għajnuna possibbli,” temm jgħid il-Ministru Jonathan Attard

Din il-laqgħa mal-pubbliku ssegwi diskussjoni li saret matul din il-ġimgħa mal-istakeholders kollha involuti fis-settur u laqgħat varji li se jwasslu biex dik li llum hija proposta tiġi kkonsolidata f’riforma bbażata fuq il-feedback miġbur, liema proċess iwassal għal pass leġislattiv.

Ekonomija

Sport