Is-16-il edizzjoni tal-Biennale ta’ Gwangju: Il-Padiljun ta’ Malta 

Aqra wkoll

Il-Padiljun inawgurali ta’ Malta fis-16-il edizzjoni tal-Biennale ta’ Malta jippreżenta BEJN / IN- BETWEEN, esebizzjoni kollaborattiva ta’ Norbert Francis Attard, PONKS (Sam Alekksandra & Julien Vinet) u Michael Quinton, ikkurata minn Moon Hyun Jeoung. 

L-esebizzjoni tittrasforma Horanggasy, wieħed mill-postijiet ewlenin tal-wiri tal-esebizzjoni tal-Biennale fi spazju fejn l- istallazzjoni, il-ħoss u l-poeżija jiltaqgħu biex jesploraw il-‘bejn’ bħala stat ta’ tensjoni, djalogu u trasformazzjoni. L-esebizzjoni hija kkummissjonata mill-Kunsill Malti għall-Arti taħt l-awspiċi tal- Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali. 

L-artisti, li ħadmu flimkien bħala l-Kollettiva BEJN, żviluppaw l-istallazzjonijiet tagħhom speċifiċi għas-sit tul residenza ta’ tliet xhur fi Gwangju fejn sejsu x-xogħlijiet fil-kuntest lokali. 

L-esebizzjoni tagħmel konnessjonijiet mhux mistennija bejn Malta u l-Korea: żewġ kulturi separati minn xulxin permezz ta’ kontinenti imma magħqudin permezz ta’ tħassib komuni fuq il-komunità, ir-ritwali u r-reżiljenza. Fi żmien ta’ polarizzazzjoni u nuqqas ta’ stabbiltà globali dejjem tikber, BEJN / IN-BETWEEN tistieden lill-udjenzi biex jidħlu fi spazju ta’ skambju u transizzjoni fejn jitfaċċaw inkontri u possibbiltajiet ġodda. 

L-esebizzjoni tiżvolġi fi tliet spazji relatati: il-Poligoni tal-Arti, tal-Ħġieġ u l-Poligonu Bażi. Norbert Francis Attard, wieħed mill-pijunieri f’Malta tal-arti kontemporanja, jippreżenta xogħlijiet ġodda fuq tliet dimensjonijiet li jgħaqqdu dinjiet li jidhru distinti minn xulxin: il-festi ikoniċi ta’ Malta (ċelebrazzjonijiet reliġjużi annwali fit-toroq), il-prinċipji tal-kulur Koreani ta’ Obangsaek u l-kriżi umanitarja li għaddejja f’Gaza. 

Fost ix-xogħlijiet fil-Poligonu tal-Arti, Obangsaek hija istallazzjoni sospiża fuq skala kbira fejn lasktijiet stirati jibbilanċjaw il-kuluri, id-dawl u l-istruttura u b’dan il- mod, tinkorpora tensjoni bejn ferħ bla kontroll u l-minimaliżmu filosofiku. PERISTYLE hija skultura għolja mibnija minn kolonni tal-metall vojta minn ġewwa u forom miżbugħa kulur il-fidda li jfakkru lill-ispettatur fit-tiżjin tal-festi. 

Jispellu ‘GAZA’ u b’dan il-mod, Attard ipoġġi ċ-ċelebrazzjonijiet ritwali direttament kontra l-qerda kontemporanja u joħroġ paralleli skomdi bejn il-kultura storika ta’ Malta ta’ assedji, il-kommemorazzjonijiet kollettivi, u r-realtajiet tal-kunflitti li għaddejjin bħalissa. Dan ix-xogħol jistieden lill-viżitaturi biex jidħlu fl-arkitettura tal-iskultura stess u hekk, iwassalhom biex jirriflettu fuq ir-rwol tagħna kemm bħala spettaturi kif ukoll bħala parteċipanti, l- istejjer li nirtu u r-realtajiet li nikkonfrontaw. 

Fil-Poligonu tal-Ħġieġ, PONKS jippreżenta t-TEMPJU TAL-ĦBULA, istallazzjoni maħsuba bħala ‘bejn’ fiżiku ta’ Malta u l-Korea li tintegra l-ħbula, il-poeżija, il-kuluri u d-dawl. Mijiet ta’ ħbula sospiżi jiffurmaw kamra ġo kamra, fejn f’nofs it-tempju, hemm struttura ta’ ħbula li tixbah lil siġra folta li tikber ’il fuq qalb l-ispazju. Ix-xogħol tal-arti jorbot is-sinifikat ritwali ta’ Geumjul – ħbula sagri tradizzjonali Koreani maħsuba biex ikeċċu l-erwieħ ħżiena – mat-tradizzjonijiet antiki ta’ Malta bil-ħbula, minn bastimenti marittimi sa purċissjonijiet reliġjużi fejn il-ħabel isir kemm ħtieġa funzjonali kif ukoll simbolu sagru. 

Testi minn poeżiji Maltin u Koreani jgħattu l-ħġieġ tal-madwar filwaqt li jiffurmaw waħda mill-ikbar ġabriet ta’ poeżija kontemporanja Maltija u Koreana li qatt ġew ippreżentati f’xogħol unika tal-arti. L-istallazzjoni tiżvela l-poeżiji ta’ ’l fuq minn 140 poeta miż-żewġ pajjiżi, kemm ta’ poeti emerġenti kif ukoll ta’ poeti magħrufa, fosthom tal-poeta femminista prominenti, Kim Hyesoon, il-poeta rinomat fi Gwangju, Kwak Jaegu, u l-ewwel benefiċjarja Maltija tal-Premju Poeta Lawreat, Maria Grech Ganado. Kull poeżija ġiet iddesinjata  individwalment u qed jintwerew bl-identità individwali tagħhom b’mod li jirrappreżentaw dinja għalihom u jieħdu lill-viżitaturi f’kostellazzjoni ta’ vuċijiet poetiċi distinti. 

Taħt it-TEMPJU TAL-ĦBULA, il-Poligonu Bażi jiżvela tlett ikmamar konnessi flimkien li jesploraw l- għeruq tal-poeżija: il-kliem, il-ħoss u l-ambjent. Fl-ewwel kamra, l-ambjent akustiku ta’ Michael Quinton juża rekordings tal-postijiet, liema rekordings ittieħdu f’postijiet f’Malta u fil-Korea. Il- kompożizzjoni tassorbixxi l-ambjenti, l-atmosferi, frammenti tad-diskors u l-ħsejjes tal-madwar u tesplora kif jinstema’ l-bejn qabel ma jiġi artikolat, filwaqt li talterna mis-silenzju għad-diskors, minn post għal ieħor, minn pajjiż għal ieħor. 

Il-programm pubbliku tal-proġett, Trasportazzjoni, jaġixxi bħala portall bejn Malta u l-Korea f’serje ta’ xogħlijiet ta’ prestazzjoni. Il-proġett jiġbor flimkien vidjows immersivi ta’ 360 grad meħudin minn Charlene Galea, Keit Bonnici, Martina Georgina, Romeo Roxman Gatt, u Tara Dalli & Felix Deepen, li huma artisti bbażati f’Malta, kif ukoll mill-artist Korean Kim On – direttur tal-movimenti u żeffien kontemporanju magħruf, u More, wieħed mill-artisti tal-prestazzjoni drag u queer l-iktar magħrufin fil-Korea t’Isfel. 

L-artisti ntalbu jirriflettu fuq post b’sinifikat personali, storiku jew simboliku f’pajjiżhom, mill-Fanal t’Għasri f’Għawdex sat-Teatru storiku ta’ Gwangju. Il-performanzi ntwerew fuq headsets tal-VR li joħolqu relazzjoni intima bejn l-artist u l-ispettatur u jittrasformaw kull post tal-wiri tal-esebizzjoni f’palk individwali tal-artist. 

L-aħħar kamra hi ddedikata għal antoloġija: pubblikazzjoni sperimentali li tiddokumenta l-proċess kreattiv, kontribuzzjonijiet poetiċi u skambji artistiċi bejn Malta u l-Korea, u ssir rekordju ta’ inkontru bejn żewġ kulturi poetiċi. 

BEJN / IN-BETWEEN hu kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti bl-appoġġ ta’ Visit Malta u l- Fond għad-Diplomazija Kulturali mmaniġġjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport