Thursday, December 19, 2024

IS-SAĦĦA LILL-ĦADDIEM

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Kulhadd għandhu d-dritt li, wara ġurnata xogħol, jirritorna lura d-dar ma l-għeżież tiegħu u tagħha. Traġedja kbira li tohroġ filgħodu biex taqla’ l-għajxien ta’ kuljum għalik, għal martek, żewġek, u uliedek, u ma tmurx lura d-dar għax ħajtek tintemm ħesrem fuq il-lant tax-xogħol. 

Sfortunatament, ikollna minn dawn it-traġedji. Fil-ħajja politika tiegħi niltaqa’ ma’ familji li għaddew minn traġedji bħal dawn. Hi trawma li familja ġġorr għal dejjem. 

Meta fl-2017 għamilt l-ewwel diskors tiegħi fil-Parlament, tkellimt dwar dan is-suġġett u dwar ir-rwol tal-OHSA, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Ħames snin wara, qed nikteb bħala l-Ministru responsabbli minn din l-Awtorità. Inħoss għalhekk, responsabbiltà kbira fuq spallejja għax hawnhekk qed nitkellmu fuq ħajjet in-nies. 

Id-dritt ta’ post tax-xogħol sigur

Se ngħid l-ovvju: Kulħadd għandhu d-dritt ta’ post tax-xogħol sigur. Sfortunatament iżda, dan mhux dejjem ovvju. Huwa fatt illi għad hawn prattiċi ħżiena  u perikolużi fuq il-postijiet tax-xogħol li jpoġġu saħħet u ħajjet il-ħaddiem f’periklu ċar. Dan l-aħħar indirizzajt konferenza fl-okkażjoni tal-20 sena mit-twaqqif tal-OHSA. Fl-aħħar 20 sena saru avvanzi kbar. Il-ħaddiema kollha ta’ din l-Awtorità għamluha l-missjoni tagħhom li jassiguraw postijiet tax-xogħol siguri. Dan jitlob ħidma, attenzjoni u spezzjonijiet kontinwi. 

Sar progress kbir. Niftakru żminijiet fejn il-perikli fuq il-lantijiet tax-xogħol kienu f’wiċċ kulħadd. Bennejja u kaħħala, imdendlin ma ħitan mingħajr protezzjoni ta’ xejn. Apparat tas-siġurtà għal kollox inezistenti. Mal-milja tas-snin, l-affarijiet bdew jitjiebu. L-OHSA tat kontribut kbir għal dan. Irnexxielha ddaħħal mentalità li mhux kollox jgħaddi, li l-għaġġla, biex titlesta biċċa xogħol, taf tfisser ħajjet ħaddiem. Tal-OHSA ħadmu kemm felħu biex nisslu mentalità li jimpurtaha mis-saħħa u s-siġurtà fuq il-post tax-xogħol, u għamlu avvanzi kbar ħafna.

Sar progress kbir iżda fadal aktar x’isir. Kull ħajja mitluf fuq il-post tax-xogħol hi traġedja kbira. L-aktar mod effettiv, kif nevitaw l-inċidenti, hija l-edukazzjoni. F’dinja mgħaġġla, fejn il-pressjoni biex proġett, jew biċċa xogħol titlesta, jekk jista’ jkun qabel il-ħin stipulat, kull min iħaddem, u kull ħaddiem irid jifhem illi ma saħħet u ma ħajjet il-bniedem, m’hemmx kompromessi. Ix-xogħol irid isir u jrid isir fil-ħin, iżda b’galbu, b’għaqal u bi prudenza. F’dan ir-riġward, l-OHSA, għaddejja b’ħidma ma taqta’ xejn u dan tagħmlu b’diversi mezzi, fosthom kampanji ta’ għarfien. Il-Ministeru tiegħi qed jinvesti ħafna f’dan ir-rigward. 

Spezzjonijiet u infurzar

Tal-OHSA għaddejjin kull ħin bi spezzjonijiet u infurzar. Ir-rapporti li jidħlulha teħodhom b’serjetà iżda b’inizjattiva tagħha tagħmel għadd ta’ spezzjonijiet oħrajn. Ħafna drabi ssib illi l-prattiċi mħaddmin fuq il-lantijiet tax-xogħol huma segwiti, jew ikollhom bżonn ftit aktar attenzjoni. F’każijiet bħal dawn tagħti struzzjonijiet biex isir it-titjib meħtieġ. F’każijiet oħrajn, ssib nuqqasijiet gravi – u hawnhekk tieħu azzjoni immedjata u b’saħħitha. Ma’ min qed jabbuża, sew jekk ikun l-imgħallem, u sew jekk ikun l-impjegat, tal-OHSA jimxu b’id tal-ħadid – kif għandu jkun. Il-profitt huwa kruċjali, iżda l-profitt ma għandu qatt jissagrifika saħħet jew ħajjet i-ħaddiem. Quddiem l-abbuż, tal-OHSA, jimxu b’tolleranza zero. 

Kull ħajja hija prezzjuża. Ma hemm ebda distinzjoni bejn Malti u barrani. Kulħadd għandu d-dritt jaħdem f’post tax-xogħol sigur. Iżda huwa fatt illi jkun hawn nies irresponsabbli li jieħdu vantaġġ min sitwazzjoni ta’ ħaddiem li għax ma jkunx Malti, u għax ma jkunx daqstant intiż dwar x’inhuma d-drittijiet tiegħu f’pajjiżna, jabbuża minn din is-sitwazzjoni. Hawnhekk, tal-OHSA, ukoll jimxu b’tolleranza żero. Bhala Awtorità, u anke bhala Ministeru u Gvern, qegħdin insaħħu l-kampanji ta’ għarfien fost ħaddiema li jiġu jaħdmu f’pajjiżna. Għalina din hija prijorità. Hu x’inhu l-kulur tal-ġilda tiegħek, jew l-ilsien li titkellem bih, int ukoll għandek familja, int ukoll għandek dritt li wara ġurnata xogħol tmur lura għand l-għeżież tiegħek.

Naħdmu flimkien

Fil-qasam tas-saħħa, u s-siġurtà, fuq il-post tax-xogħol qatt ma tista’ tgħid li wasalt. Il-prattiċi tax-xogħol jinbidlu minn żmien għal żmien, u trid iżżomm ruħek aġġornat magħhom sabiex tassigura qafas ta’ liġijiet, u regoli, li jsewgu dawn l-iżviluppi. L-appell tiegħi huwa sabiex naħdmu flimkien: gvern, OHSA, pulizija, min iħaddem, ħaddiema, unjons, u s-soċjetà tagħna kollha biex nassiguraw illi l-ħaddiem ikun protett. Għax il-ħajja prezzjuża wisq biex tintemm ħesrem fuq il-lant tax-xogħol. Inkomplu nieħdu ħsieb xulxin.

Ekonomija

Sport