Friday, April 19, 2024

IS-SANZJONIJIET

Aqra wkoll

L-aktar arma li ntużat wara l-ewwel gwerra bierda biex il-Punent jibqa’ jżomm il-poter fuq id-dinja huma s-sanzjonijiet.  Ħafna min-nies ma jqisux is-sanzjonijiet bħala arma għaliex huma biss kontroll fuq in-negozju.  Meta pajjiż jimponi sanzjonijiet fuq pajjiż ieħor jista’ jew ma jħallix lin-negozjanti tiegħu milli jesportaw lejn dak il-pajjiż jew inkella ma jħallux lin-negozji tiegħu milli jimporta affarijiet mill-pajjiż ieħor.  

Mad-daqqa t’għajn din ma tidhirx bħala arma għaliex la ntużaw suldati u wisq anqas armi. Għal ħafna min-nies is-sanzjonijiet jolqtu biss lil dawk li jkunu qed jiggvernaw u is-sanzjonijiet isiru biex dawk li jkunu jiggvernaw jibdlu r-rotta.  

Biss ftit jaraw l-impatt fuq in-nies tal-pajjiż milqut.  Ir-raguni hi li s-sanzjonijiet ikunu indirizzati lejn il-pajjiż u għalhekk in-nies qieshom ma jeżistux.  Imma fir-realtà huma n-nies tal-pajjiż milqut l-ewwel u l-aktar li jsofru.  Veru li l-ewwel ma jintlaqtu huma n-negozji imma malajr jintlaqtu n-nies.  U l-aktar li jintlaqtu huma dawk l-aktar vulnerabbli u fqar.  Ir-raġuni hi li sew is-sinjuri u sew dawk li għandhom poter għandhom flus biżżejjed biex l-impatt inaqqsuh kemm jifilħu u ma jħossu xejn.  Għadni ma smajt bl-ebda mexxej ta’ pajjiż milqut minn sanzjonijiet li sofra, per eżempju l-ġuħ.  Imma hemm ħafna pajjiżi li ġew milquta li n-nies tagħhom sofrew u għadhom isofru l-ġuħ.  

Fil-fatt dik hi l-idea wara s-sanzjonijiet – li n-nies tant isofru li jqumu u jtajru lil min ikun qed imexxihom.  Imma r-realta’ mhux dejjem hekk taħdem.  Kollox jiddependi kemm in-nies jirrealizzaw li huma qed isofru l-ġuħ minħabba l-pajjiż li qed jimponi s-sanzjonijiet.  Jekk jaħsbu hekk, għalkemm ‘il bogħod mir-realtà s-sanzjonijiet ikunu jidhru li qed jaħdmu.  Mhux talli hekk, talli dawn, speċjalment dawk li huma sinjuri, jibdew jippressaw biex il-mexxejja jieħdu azzjoni kontra dak il-pajjiż li jkun qed jimponi sanzjonijiet.  

Dawn rajnihom u rajna l-effett tagħhom. L-aktar arma li ntużat minn dawk li sofrew sanzjonijiet u ma kellhomx il-poter finanzjarju jew militari biex jaġixxu, malajr bdew jgħinu lil dawk it-terroristi li kienu qed jaħdmu kontra dak il-pajjiż li mpona s-sanzjonijiet.

U x’kien ir-riżultat – li sofrew in-nies komuni ta’ dak il-pajjiż li mpona s-sanzjonijiet.  S’intendi, dawk li kienu qed imexxu l-pajjiż u mponew is-sanzjonijiet ma sofrew xejn għaliex huma protetti sew.  Mhux talli huma protetti fejn jaħdmu jew joqogħdu imma anki fejn ikun bi ħsiebhom imorru.  Jekk ikunu sejrin x’imkien mal-ewwel tara l-pulizija sigrieta ta’ dak il-pajjiż imorru hemm biex jiżguraw li l-mexxej ma jkunx f’periklu.  

Dan rajnieh kull meta kien hemm attakk fuq xi pajjiż tal-Punent mit-terroristi.  Ma kien hemm l-ebda mexxej li sofra xi ġrieħi jew anki ħsara fejn joqogħdu.  Kienu n-nies komuni li sofrew.  Din mhix xi ħaġa ġdida għaliex anki meta kien hemm gwerer huma n-nies komuni li sofrew u mhux il-mexxejja.  Għalhekk hemm min jgħid li jekk aħna rridu l-paċi, irid ikun hemm regola li timponi li meta jkun hemm ġlied, il-mexxejja jkunu jridu jitfgħu lil uliedhom fuq il-‘front-line’ tal-gwerra.  Ara jekk isir hekk, tistgħu toqogħdu ċerti li kulħadd jaħdem bis-sħiħ biex ikun hemm il-paċi. 

Barra minhekk illum id-dinja nbidlet.  Fattur li nbidel hu li l-ekonomiji nbidlu.  Fejn fl-ewwel gwerra bierda l-ekonomija tad-dinja kienet tiddependi fuq l-ekonomija Amerikana, illum din m’għadhiex għaliex l-ekonomija Ċiniża kibret ħafna u llum tikkompeti bil-kbir ma’ dik Amerikana.  Tibdil ieħor sar minħabba t-tibdil qawwi tal-klima li ġab miegħu tibdil fuq is-sors tal-enerġija.  Fejn qabel konna niddependu fuq iż-żejt, illum qed immorru għal sorsi oħra, fosthom il-gas.

Minħabba dan it-tibdil, min qabel kien ikollu jaċċetta s-sanzjonijiet għax ma kellux saħħa ekonomika, illum dawn qed jitħajru mill-Punent u japplikaw sanzjonijiet.  Per eżempju, fuq il-kwistjoni tal-Ukraina, il-gvern Amerikan qal u ġiegħel lill-Ewropa biex taqbel miegħu, li jekk ikun hemm ċaqliq militari min-naħa tar-Russja, ser jimponi sanzjonijiet qawwija.  Biss illum mal-ewwel indunaw li dan ser iġib diżastru fl-Ewropa.  Ir-raġuni hi li llum, minħabba t-tibdil li semmejt fis-sorsi tal-enerġija, ir-Russja żgur li l-ewwel ħaġa li tagħmel meta jimponulha sanzjonijiet hu li ma tagħtix aktar gas lill-Ewropa.  Dawk il-pajjiżi, bħal Malta, li m’għandhomx sors ieħor tal-enerġija bħal power stations nukleari u sorsi oħra, ser jiġu lampa stampa.

Din mhux ser tkun l-ewwel darba li jkun hemm sitwazzjoni bħal din.  Meta l-Ewropa kienet għamlet l-aħħar sanzjonijiet ir-Russja kienet iddeċidiet li ma tixtrix aktar ikel mill-Ewropa.  Min sofra b’dawn id-deċiżjonijet – il-bdiewa Ewropej.  L-ebda President, Prim Ministru, Ministru jew Membru Parlamentari Ewropew ma sofra imqar ewro.  Hu għalhekk li dawn in-nies ma jiddejqux jagħmlu sanzjonijiet fuq ħaddieħor.  Dan barra li kien hemm min mar tajjeb.  Dawn huma l-manifatturi tal-armamenti għaliex kif bdiet din il-gwerra bierda, is-suq ta’ dawn kiber immens bħal ma qed jiġri issa. 

Semmejt lil Malta għaliex l-Ewropa għadha taħt il-kontroll Amerikan.  Dan narawh mit-taħditiet li kien hemm riċentament bejn l-Amerka u r-Russja fuq l-Ukraina.  Minkejja li l-Ewropa riedet tkun involuta peress li l-kwistjoni hi fl-Ewropa u jekk ikun hemm xi ċaqliq militari jew ekonomiku, l-Ewropa l-ewwel li tintlaqat, l-Amerka m’aċċettatx u l-Ewropa kellha toqgħod għal dak li qalulha.  Malta hi fl-istess pożizzjoni – ikollha tagħmel dak li tgħidilha l-UE.  Għalhekk, il-prinċipju ta’ newtralita’ li daħħal Mintoff u li jidher li llum intesa, kien wieħed sod biex jagħtina l-liberta’ li nkunu aħna li niddeċiedu l-aħjar triq għal Malta f’ambjent ta’ PAĊI.

Is-sitwazzjoni preżenti mhux faċli li neħilsu minnha minħabba li l-pajjiżi l-kbar, iridu u jaħdmu bis-sħiħ il-ħin kollu biex ikollhom il-poter li jikkontrollaw lil kulħadd.  Hu jekk nibdlu din il-mentalita’ li nistgħu nsibu soluzzjoni paċifika li mhux biss toħroġna minn din is-sitwazzjoni tal-lum, imma ma ddaħħalniex f’sitwazzjonijiet simili

Hemm soluzzjonijiet.  Dażgur li hemm.  Waħda mis-soluzzjonijiet hi li meta ma naqblux ma’ xi pajjiż ieħor, mhux nibdew narmaw biex inkunu nistgħu nattakkaw lil dak il-pajjiż imma li nibdew nitkellmu magħhom u naraw kif nistgħu naslu għal soluzzjoni li tkun aċċettabli għat-tnejn.  Biex dan ikun suċċess irridu nkunu lesti li barra li l-oħrajn iċedu ftit mill-pożizzjoni tagħhom, anki aħna rridu nkunu flessibli.  

Barra minn hekk biex aħna jkollna moħħna mistrieħ irridu nerġgħu nibdew nimxu lejn diżarm madwar id-dinja kollha.  Li jnaqqsu l-armi, speċjalment dawk nukleari hi xi ħaġa li nsejna.  Ir-raġuni hi sempliċi – huma l-armi li jġibu l-poter u l-poter iġib dominanza li l-pajjiżi l-kbar iridu biex ikomplu jikbru a skapitu ta’ pajjiżi oħra.  

Sport