Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul għamel żjara fl-uffiċini tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi (DIER), li għadhom kif ġew rinovati, b’faċilitajiet aktar modernizzati, biex jipprovdu ambjent aħjar lill-impjegati biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom b’mod aktar effettiv u joffru l-aqwa servizz lill-pubbliku.
Matul iż-żjara ġie spjegat li mill-bidu ta’ din is-sena sa Lulju li għadda, 25,000 persuna użaw is-servizzi li joffri dan id-Dipartiment, bl-istess Dipartiment rċieva madwar 16,000 telefonata u madwar 8,500 email. Fl-istess perjodu, id-DIER kellha 689 talba għall-investigazzjoni minn ħaddiema. Il-maġġoranza tagħhom huma każijiet ta’ ħaddiema li jkunu għadhom jaħdmu fl-istess post tax-xogħol, 37% minnhom huma investigazzjonijiet ġenerali, waqt li l-bqija huma każijiet fejn il-ħaddiem jkun għamel rapport dwar kumpanija li m’għadux jaħdem magħha.
Ġie spjegat ukoll li s’issa ngħataw 84 liċenzja għall-aġenziji tax-xogħol (temping agencies), filwaqt li 90 liċenzja oħra għadhom qegħdin jiġu proċessati.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul faħħar il-ħidma li saret f’dan il-proġett ta’ rinovazzjoni u saħaq li dan se jtejjeb mhux biss l-ambjent tax-xogħol għall-impjegati tad-DIER, imma wkoll is-servizz li jagħtu lill-pubbliku.
“Id-DIER għandu rwol ċentrali fir-relazzjonijiet industrijali u l-impjiegi f’Malta, u dawn il-faċilitajiet modernizzati se jgħinu biex jiġi żgurat li l-uffiċjali jkollhom l-aħjar għodda u kundizzjonijiet biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom, speċifikament fejn jidħol infurzar,” tenna s-segretarju parlamentari, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment għall-ħidma li jwettqu.