Is-selezzjoni tal-Kamerun spiċċaw bħala r-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-African Unity Cup 2026 wara li fil-finali li ntlagħbet fis-Sirens Stadium, huma għelbu lin-Niġerja 4-3 wara l-għoti tal-penalties Il-partita, li ntlagħbet quddiem numru sabiħ ta’ partitarji, intemmet fi draw ta’ 2-2 fi tmiem il-ħin regolamentari
Fil-kompetizzjoni ħadu sehem sitt timijiet magħmula minn plejers li ħafna minnhom jilagħbu fil-kampjonati Maltin tal-MFA u dawn huma n-Niġerja, Gambja, is-Sudan, il-Kamerun, il-Ghana u l-Kenya. Il-kompetizzjoni intlagħbet b’sistema ta’ kampjonat, fejn it-timijiet li spiċċaw fl-ewwel u fit-tieni post tal-klassifika kkwalifikaw għall-finali.
Il-President tal-Kumitat Organizzattiv, Jonathan Onuoha, faħħar is-suċċess tal-avveniment u rringrazzja lit-timijiet kollha għall-parteċipazzjoni tagħhom, filwaqt li esprima t-tama li l-kompetizzjoni tkompli tikber fis-snin li ġejjin.




