Is-sentenza fil-konfront ta’ Lorin Scicluna se tingħata għada

Aqra wkoll

Is-sentenza fil-konfront ta’ Lorin Scicluna se tkun qiegħda tingħata għada għall-ħabta tad-9.00a.m. wara li l-Imħallef Natasha Galea Sciberras semgħet is-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u tad-Difiża.

Scicluna nstab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi lil May Malimi u li anke saq vettura mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni.

Waqt is-sottmissjonijiet tagħha il-Prosekuzzjoni talbet għas-sentenza massima u argumentat li r-reat kien wieħed motivat minn mibgħeda razzjali hekk kif Malimi kien għaddej mingħajr ma ta fastidju lil ħadd.

Aktar minn hekk qalet il-Prosekuzzjoni li l-vittma kien tħalla fl-art u l-akkużat ma pprovdielu l-ebda tip ta’ għajnuna. Spjegat li minkejja l-vot tal-ġurati ma kienx wieħed unanimu ma kien hemm xejn milli jżomm lil Qorti li tagħti sentenza massima u anke tieħu in konsiderazzjoni l-fatt li r-reat twettaq meta l-akkużat kien qed iservi sentenza sospiża imposta fi Frar 2018 f’każ ieħor.

Id-difiża min-naħa tagħha qalet li s-sentenza m’għandiex tiġi influwenzata mill-opinjoni pubblika għax dawn ma jifhmux fil-proċeduri tal-qorti filwaqt li tennew li l-verdett tal-ġurati kien wieħed għaqli u mhux kapriċċjuż u li Scicluna kien diġà ħallas biżżejjed mill-2019 għall-allegazzjonijiet miġjuba kontrih.

Kien il-Ħadd li għada li l-ġurati sabu lil Scicluna ħati fuq żewġ atti tal-akkuża, iżda ma nstabx ħati li kien hu li qatel lil Lassana Cisse Souleymane u anke kien meħlus mill-akkużi tal-attentat ta’ qtil ta’ Mohammed Jallow u Ibrahim Bah.

Cisse nqatel fis-6 t’April 2019 fi Triq il-Ġebel Birżebbuġa, waqt li ż-żewġt irġiel l-oħra sfaw midruba.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport