Wednesday, March 27, 2024

Is-Serie A b’massimu ta’ 5,000 spettatur

Aqra wkoll

L-20 club tas-Serie A fl-Italja ddeċidew unanimament li jnaq­qsu l-attendenza tal-istadia tagħhom għal massimu ta’ 5,000 spettatur għal żewġ rounds ta’ logħbiet dan ix-xahar fi sforz biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-każijiet tal-Covid-19 li qed jiżdiedu fil-pajjiż, ħabbar il-kampjonat fi tmiem il-ġimgħa.

Is-Serie A qalet fi stqarrija li r-res­trizzjonijiet il-ġodda se jkunu fis-seħħ matul tmiem il-ġimgħa tal-15 u tat-22 ta’ Jannar, qabel il-waqfa internazzjonali.

L-istqarrija żiedet li l-ebda biljett ma jinbiegħ lill-partitarji li jivvjaġġaw matul dak il-perjodu biex jitnaqqas ir-riskju tat-trasmissjoni tal-virus.

Il-mossa timmarka tnaqqis ulterjuri minn restrizzjoni attwali li tillimita l-attendenza għal 50% u li għadha fis-seħħ għar-round tal-logħob li se jsir il-Ħadd li ġej.

Il-Prim Ministru, Mario Draghi, kien tkellem mal-president tal-Fe­derazzjoni tal-Football (FIGC), Gab­riele Gravina, nhar il-Ġimgħa, dwar il-possibbiltà li jintlagħab il-logħob bil-bibien magħluqa, jew li tissospendi temporanjament l-attività tal-kampjonat.

L-Italja rrappurtat 197,552 każ tal- Covid-19 nhar is-Sibt, minn 108,304 fil-ġurnata ta’ qabel, qal il-Ministeru tas-Saħħa, filwaqt li n-numru ta’ mwiet naqas għal 184 minn 223.

Il-Gvern Taljan naqqas l-attendenza massima permessa fl-avvenimenti sportivi kollha fil-miftuħ minn 75% għal 50% f’Diċembru, u l-virus kellu mpatt ukoll fuq l-iskeda tal-kampjonat.

Erbgħa minn 10 logħbiet skedati nhar il-Ħamis li għadda, festa tal-Epifanija, ma sarux kif programmati minħabba restrizzjonijiet imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Lokali (ASLs) wara li faqqgħet il- Covid-19 f’diversi skwadri.

Iktar kmieni nhar is-Sibt, is-Serie A kienet appellat b’suċċess lill-qrati amministrattivi reġjonali kontra miżuri ta’ kwarantina mposti mill-ASLs fuq Udinese, Salernitana u Torino, li ħelsu mill-iżolament lill- players tagħhom b’test negattiv.

Iżda Bologna baqgħu fi kwarantina wara li l-appell tal-kampjonat lill-qorti ta’ Emilia ma rnexxiex.

Is-sitwazzjoni ħalliet inċertezza dwar kemm mill-10 logħbiet tal- kampjonat skedati għal Ħadd li għadda kienu se jintlagħbu.

Iżda mill-programm ta’ 10 logħ­biet, tmienja saru waqt li waħda ntlagħbet it-Tnejn u l-oħra saret il-bie­raħ. 

Ekonomija

Sport