Saturday, April 27, 2024

Snooker: Hawkins u Sullivan fil-kwarti-finali ta’ The Masters

Aqra wkoll

Barry Hawkins ippreserva r-rekord ta’ 100% kontra Shaun Murphy, meta kiseb rebħa komda ta’ 6-2 biex wasal sal-kwarti tal-finali tat-tournament The Masters, li qed isir f’Londra. Meta l-bieraħ wara nofsinhar Ronnie O’Sullivan elimina lil Jack Lisowski s’issa saru magħrufa ħamsa mill-aħħar tmienja.

Hawkins u Murphy iltaqgħu fi tliet okkażjonijiet f’Alexandra Palace, kull darba fir-round tal-ftuħ. Hawkins kien rebbieħ bl-iskor ta’ 6-1 fl-2017 u rebaħ ukoll 6-2 fl-2019.

Għalkemm Hawkins għandu l-vantaġġ fuq Murphy fil-Masters, huwa xorta jinsab wara ċ-Champion tad-Dinja tal-2005, 10-4, fil-konfronti ras imb’ras.

Il-player minn Londra, Hawkins, tilef il-Masters 12-il       xahar ilu, wara li waqa’ mill-aqwa 16 tad-dinja. Madankollu, ritorn impressjonanti fl-2021 rawh jilħaq erba’ semi-finali ta’ avvenimenti rankings, inkluż il-UK Championship qabel il-Milied, biex jirritorna għall-ogħla livell tal-isport.

B’kuntrast Murphy tħabat biex isib il-forma tiegħu dan l-istaġun, minkejja li kien finalista tal-Kampjonat tad-Dinja fi tmiem dak li għadda. Il-Magician naqas milli jikseb post mal-ewwel 32 tal-lista ta’ sena qabel il-Milied u b’riżultat ta’ dan tilef il-World Grand Prix. Aktar tard dan ix-xahar se jmur Berlin għall-German Masters.

Hawkins rebaħ l-ewwel frame bi break ta’ 65, qabel ma Murphy irrestawra l-parità b’wieħed ta’ 69 biex għamilhom 1-1. Imbagħad Murphy mar fuq quddiem billi rebaħ it-tielet u Hawkins ħa r-raba’ biex sal-mistrieħ kienu parita’ 2-2.

Meta reġa’ beda l-logħob, ir-rebbieħ tal-Masters tal-2015, Murphy, deher li kien f’pożizzjoni b’saħħitha biex jerġa’ jikseb il-vantaġġ. Huwa kien 54-4 fuq quddiem meta falla roża fin-nofs tal-lemin. Din swietu qares, għax Hawkins għamel break ta’ 60 u ħa l-frame fuq ir-roża finali.

Dak kien il-mument li Hawkins intefa’ lejn il-linja tat- tmiem meta rebaħ tliet frames oħra wara xulxin, b’kollox ħamsa, inklużi breaks ta’ 103 u 69, biex għalaq il-logħba 6-2.

Ronnie O’Sullivan kellu bidu mill-aqwa meta għeleb lil Jack Lisowski 6-1 f’logħba li fiha għamel bħal Hawkins meta rebaħ ħames frames wara xulxin biex wasal sal-linja tat-    tmiem.

Kien O’Sullivan li rebaħ l-ewwel frame, iżda Lisowski kiseb il-pareġġ b’century break ta’ 104. Imbagħad O’Sullivan daħal f’azzjoni kontinwa u litteralment ħalla lil Lisowski jħares tant li dan għamel 67 punti biss fil-ħames frames u r-Rocket rebaħhom kollha bi breaks rebbieħa, tnejn minnhom centuries f’din l-ordni: 86, 63, 127, 64 u 125.

Il-bieraħ filgħaxija lagħbu Mark Selby u Stephen Maguire u llum ikunu magħrufa -aħħar tmienja kollha meta jilagħbu Judd Trump kontra Mark Allen (2.00 pm) u Kieran Wilson kontra Stuart Bingham (8.00 pm).

Sport