“Is-settur soċjali u l-pensjonijiet għandhom dejjem jingħataw prijorità”

Il-GWU f’laqgħa mal-Ministru Michael Falzon

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Kevin Camilleri, stqarr li l-Union u l-Ministeru għall-Politika Soċjali u l-Familja jaqsmu valuri komuni, b’mod partikolari dawk marbuta mal-qasam soċjali u mal-pensjonijiet.

Huwa qal dan wara laqgħa li l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU kellha mal-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja, Michael Falzon. Il-laqgħa kienet parti minn sensiela ta’ laqgħat li l-GWU qiegħda tagħmel ma’ Ministri tal-Kabinett u Segretarji Parlamentari.

Camilleri ddeskriva l-laqgħa mal-Ministru Falzon bħala waħda li wasslet għal skambju siewi ta’ fehmiet u sostna li laqgħat ta’ dan it-tip għandhom jibqgħu jsiru sabiex iż-żewġ naħat ikunu jistgħu jiddiskutu diversi temi importanti li jolqtu direttament lill-ħaddiema, lill-pensjonanti u lill-familji Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li l-laqgħa mal-GWU kienet waħda pożittiva ħafna. Huwa rrimarka li l-GWU hija union tal-ħaddiema li dejjem tpoġġi l-interessi tal-ħaddiema fuq quddiem.

Il-Ministru Falzon sostna li huwa essenzjali li l-Ministeru jkompli jorganizza laqgħat ta’ dan it-tip, għaliex permezz tad-djalogu u l-kollaborazzjoni jistgħu jitressqu ideat u proposti li jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tan-nies.

Għal-laqgħa, f’isem il-GWU, kienu preżenti wkoll id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela u s-Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU, Pawlu Bugeja.

Il-Ministru Michael Falzon kien akkumpanjat mis-Segretarju Privat tiegħu, Louis Gatt.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport