Is-sistema ġudizzjarja tal-gurijiet f’pajjiżna f’dawn l-aħħar ġimgħat sabet ruħha f’nofs kontroversja, mhux biss, imma wkoll tpoġġiet taħt il-lenti dwar jekk għadhiex tiggarantixxi li d-deċiżjonijiet li tasal għalihom, partikularment f’ġurijiet kapitali dwar qtil qed jittieħdu b’mod li jagħmel ġustizzja.
Ftit tal-jum ilu, reġa’ kellna ġuri ieħor fejn imputat ma nstabx ħati t’omiċidju volontarju b’verdett kważi unamimu, ta’ 8 kontra 1. L-istess imputat iżda nstab ħati biss ta’ tnejn mid-disa’ akkużi li kellu kontrih.
Il-verdett minnu nnifsu qanqal ċertu kritika u rabja minn ħafna. Tant li fost il-kritika li saret minn xi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kien hemm min issuġġerixxa li s-sistema tal-ġuri għandha titneħħa jew almenu tinbidel.
Dan l-aħħar ġuri segwa ġuri ieħor li ntemm ftit tax-xhur ilu, u li kellu l-istess eżitu ta’ verdett, fejn il-persuna akkużata ġie lliberat mill-akkużi kollha fil-konfront tiegħu.
Mingħajr ma nidħlu fil-mertu ta’ kif intemmu ż-żewġ ġurijiet, ma rridux ninsew illi kien hemm ġurijiet riċenti li fihom l-akkużati nstabu ħatja u ngħataw sentenzi twal ta’ ħabs. Dakinhar ħadd ma qal li s-sistema tal-ġurija hija waħda dgħajfa u hemm bżonn tinbidel.
Ma nistgħux ninsew lanqas li f’dawn l-aħħar snin, fis-sistema ġudizzjarja tagħna saru riformi kbar bil-għan li l-istituzzjonijiet mhux biss jibqgħu jaħdmu, imma jaħdmu kif suppost u xieraq. Nifhmu li f’pajjiż demokratiku kull ċittadin għandu dritt jikkritika jew ma jaqbilx ma’ xi deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Qrati. Iżda ħadd m’għandu dritt jipprova jimmina l-istituzzjoni tal-Qorti sempliċiment għax ma jkunx qabel ma’ deċiżjoni li tkun ittieħdet.
Min-naħa l-oħra, irridu nżommu quddiem għajnejna wkoll li verdett f’ġuri ma jiddependix fuq l-Imħallef, il-Prosekuzzjoni jew id-Difiża imma jittieħed skont kif il-ġurati jinterpretaw il-fatti li jkunu ġew ippreżentati lilhom. Irridu niftakru wkoll li l-ġurati huma ċittadini li jkunu ġew magħżulin b’sistema li ilha teżisti f’pajjiżna għal ħafna u ħafna snin.
Barra minn hekk, is-sistema tal-ġurijiet għandha tirrifletti wkoll imparzjalita’ f’kull deċiżjoni li tasal għaliha. Dan fil-kuntest li l-Qrati huma element kruċjali għat-tħaddim tad-demokrazija f’pajjiżna.




