Il-fenek u l-pastizzi, żewġ elementi sinonimi mal-kċina Maltija, wasslu lil Martina Bonello għal suċċess storiku fix-xena kulinarja internazzjonali. Il-koka żagħżugħa Maltija rebħet il-finali reġjonali tas-San Pellegrino Young Chef Academy f’Bucharest, ir-Rumanija, u b’hekk kisbet post fil-Grand Finale li se ssir f’Milan fl-2027.
Bonello, li taħdem ma’ Risette Restaurant, kienet l-unika mara fost il-15-il finalist u rnexxielha tirbaħ mhux biss il-kompetizzjoni prinċipali iżda wkoll il-Fine Dining Lovers Award.
F’intervista ma’ dan il-ġurnal, Martina ammettiet li qatt ma kienet qed tistenna li l-ewwel esperjenza tagħha f’din il-kompetizzjoni tispiċċa b’suċċess daqshekk kbir.
“Ma kontx qed nistenna li nirbaħ. Din kienet l-ewwel applikazzjoni tiegħi. Għalija, il-fatt biss li ġejt magħżula biex immur hemm kienet diġà xi ħaġa sabiħa ħafna,” spjegat Bonello.
Hija rrakkontat kif kien hemm madwar disa’ jew għaxar applikanti oħra minn Malta, iżda kienet hi li finalment intgħażlet biex tirrappreżenta lill-pajjiż.
“Hemm nies li japplikaw darbtejn jew tliet darbiet u xorta ma jintgħażlux. Meta sirt naf li kont l-unika waħda minn Malta li ntgħażlet, bdejt nibki. Kien hemm ħafna emozzjonijiet.”
Il-kompetizzjoni kienet tirrikjedi mhux biss kreattività iżda wkoll preparazzjoni kbira, preċiżjoni u kapaċità li taħdem taħt pressjoni.
Martina u t-tim tagħha kellhom jieħdu magħhom minn Malta dak kollu li kellhom bżonn sabiex jippreparaw il-platt tagħhom fir-Rumanija.
“Bażikament kellna nippreparaw kollox. Ħadna kollox magħna minn Malta. Fil-kompetizzjoni kellna ħames sigħat u għaxar minuti u kollox kien bil-ħin.”
Qabel il-kompetizzjoni, Martina kienet konxja mil-livell għoli tal-avversarji tagħha. Pajjiżi bi tradizzjoni kulinarja qawwija kienu fost dawk rappreżentati u għalhekk il-Maltija ma kinitx qed tpoġġi pressjoni żejda fuqha nnifisha biex tirbaħ.
“Meta tmur hemm taħseb li forsi pajjiżi bħas-Serbja jew l-Ungerija għandhom ċans tajjeb ħafna. Imma jien mort hemm biex nagħti l-aħjar tiegħi.”
Imbagħad wasal l-ewwel mument speċjali – ir-rebħ tal-Fine Dining Lovers Award.
“Meta rbaħna dak l-award l-ewwel, għedt ‘wow’. Lanqas stajt nemmen.”
Iżda l-aqwa kien għadu ġej, hekk kif aktar tard tħabbret ukoll bħala r-rebbieħa reġjonali u kisbet il-biljett għall-finali dinjija f’Milan.
Il-platt li wassalha għal dan is-suċċess kien jismu “Echoes of Malta: Rabbit, Prawn and Wild Aromatics”, taħlita kontemporanja li kellha l-għeruq tagħha fit-tradizzjonijiet Maltin.
Fost l-elementi kien hemm il-fenek u pastizz mimli bil-ġewwieni tal-fenek, interpretazzjoni moderna ta’ ikel li ħafna Maltin jassoċjaw mal-familja u mat-tradizzjoni.
Għal Martina, l-ispirazzjoni kienet waħda naturali.
“Meta tkun taħdem fil-kċina u jkollok il-ġuħ, trid xi ħaġa ta’ malajr, forsi xi żewġ pastizzi, forsi sandwich, insomma xi ħaġa Maltija. Minn hemm bdejna naħsbu kif nistgħu nieħdu xi ħaġa tant tradizzjonali u nagħtuha forma differenti.”
Il-platt kien ispirat ukoll mill-ikel tan-nanna u minn dawk it-togħmiet li jfakkruha fl-ikla tradizzjonali Maltija tal-Ħadd.
Il-ġurija kienet qed tevalwa diversi aspetti tal-ħidma tal-kompetituri, fosthom l-ikel innifsu, il-preżentazzjoni tal-platt, it-togħmiet u l-mod kif il-chef jitkellem u jispjega l-kunċett tiegħu.
Martina kellha l-appoġġ tal-mentor tagħha Steve Scicluna, li kien magħha tul il-proċess kollu u se jkompli jgħinha fil-preparazzjoni għall-finali ta’ Milan.
Meta staqsejna lil Martina x’inhu l-aktar importanti biex tinħoloq riċetta ta’ livell għoli, kok tajjeb jew ingredjenti ta’ kwalità. It-tweġiba tagħha kienet ċara.
“It-tnejn huma importanti biex ikun hemm bilanċ sħiħ.”
Skont Bonello, il-kapaċità teknika u l-kreattività tal-kok huma fundamentali, iżda mingħajr materja prima ta’ kwalità jkun ferm aktar diffiċli li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq.
Is-suċċess tagħha juri wkoll kif ingredjenti u ideat marbuta mal-kultura Maltija jistgħu
jiġu ppreżentati b’mod modern u jikkompetu mal-aqwa talent kulinarju internazzjonali.
Minkejja dan is-suċċess kbir, Martina għadha fil-bidu tal-karriera tagħha.
Meta staqsejniha fejn tara lilha nnifisha ħames jew għaxar snin oħra, hija ma kellhiex dubju li tixtieq tibqa’ tagħmel dak li tħobb.
“Nara lili nnifsi naħdem fil-kċina. Nispera li nibqa’ hemm, inkompli nitgħallem u mmur niekol aktar biex nesperjenza ikel differenti.”
Issa quddiemha hemm sfida ferm akbar. Il-Grand Finale tal-2027 f’Milan se tlaqqagħha ma’ wħud mill-aqwa kokijiet żgħażagħ minn madwar id-dinja.
Iżda tkun xi tkun il-konklużjoni ta’ dik l-avventura, Martina diġà kitbet paġna importanti għall-gastronomija Maltija.
Il-fatt li kienet l-unika mara fost 15-il finalist jagħmel ir-riżultat tagħha aktar sinjifikanti.
Għalhekk, meta staqsejniha x’messaġġ tixtieq twassal lil tfajliet u nisa żgħażagħ li jixtiequ jibnu karriera bħala kokijiet, Martina għażlet kliem sempliċi iżda b’saħħtu:
“Qatt taqta’ qalbek, anzi dejjem emmen fik innifsek.”
Għaliha, li tirbaħ kompetizzjoni kontra 14-il chef raġel kienet prova ċara li l-opportunitajiet għandhom jittieħdu u li wieħed m’għandux jibża’ jemmen fil-kapaċitajiet tiegħu.
Minn platt ispirat mill-ikla tan-nanna għar-rebħa fir-Rumanija u issa biljett għal Milan il-vjaġġ ta’ Martina Bonello għadu kemm beda.
