Is-Sliema Arts Festival qed jerġa’ jittella’ bejn is-17 u d-19 ta’ Lulju 2026, b’edizzjoni li se tkompli ssaħħaħ dan l-avveniment bħala wieħed mill-avvenimenti urbani ta’ arti u kultura ewlenin f’Malta.
Organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, is-Sliema Arts Festival 2026 qed joffri programm varjat li jiċċelebra l-kreattività, il-kultura u l-komunità permezz ta’ arti fit-toroq, murals, pitturi, mużika, żfin, workshops, swieq tal-artiġjanat u attivitajiet għall-familji.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku ta’ Tas-Sliema, John Pillow u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Luke Dalli, fejn ippreżentaw id-dettalji ta’ dan il-festival u l-importanza tiegħu fil-promozzjoni tal-kultura, il-parteċipazzjoni komunitarja u l-użu tal-ispazji pubbliċi.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li inizjattivi kulturali bħal dawn juru l-importanza tal-ħidma tal-kunsilli lokali fit-tisħiħ tal-komunitajiet u fit-twettiq ta’ proġetti li jġibu lin-nies flimkien fl-ispazji pubbliċi.
“Il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jsaħħaħ ir-rwol tal-kunsilli lokali bħala protagonisti fil-komunitajiet tagħhom, billi jagħtihom l-appoġġ meħtieġ biex iwettqu inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u jippromwovu l-kultura u l-identità lokali,” qalet il-Ministru. Hija żiedet li l-appoġġ għal avvenimenti bħal Sliema Arts Festival jirrifletti l-impenn tal-Gvern lejn komunitajiet aktar vibranti, inklużivi u sostenibbli, fejn il-kultura ssir mezz biex jinħolqu opportunitajiet soċjali, ekonomiċi u kreattivi.
Is-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow qal li s-Sliema Arts Festival sar wieħed mill-avvenimenti kulturali ewlenin tal-lokalità, li kull edizzjoni jkompli jgħaqqad artisti, residenti, negozji u turisti f’ċelebrazzjoni tal-kreattività u tal-komunità.
“Din is-sena, it-tema ‘BY HUMANS. FOR HUMANS.’ tirrifletti fuq il-valur tal-kreattività u tal-konnessjoni bejn in-nies f’dinja dejjem aktar diġitali. Filwaqt li t-teknoloġija qed tkompli tinfluwenza ħajjitna, huma n-nies, il-kreattività tagħhom u l-kapaċità tagħhom li joħolqu rabtiet ma’ xulxin li jibqgħu fil-qalba tal-identità tagħna,” qal is-Sindku.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli, qal li huwa ta’ pjaċir għall-Kunsill Malti għall-Arti li qed jappoġġja s-Sliema Arts Festival, festival li jagħmel l-arti parti mill-ħajja ta’ kuljum tan-nies u li juri kif spazju pubbliku jista’ jinbidel f’post fejn il-kreattività, il-komunità u l-kultura jiltaqgħu flimkien.
L-edizzjoni tal-2026 hija ikkurata madwar il-qafas artistiku “Error 404: Human Not Found”, żviluppat mid-Direttur Artistiku Rachel Formosa, li jesplora r-relazzjoni bejn il-bniedem u t-teknoloġija permezz ta’ espressjoni artistika kontemporanja, kultura urbana, mużika elettronika u interventi artistiċi fl-ispazju pubbliku.
Il-festival mistenni jattira aktar minn 20,000 viżitatur fuq medda ta’ tlett ijiem, u jittrasforma t-toroq, il-promenade u l-bajja tas-Sliema f’destinazzjoni kulturali vibranti għar-residenti u t-turisti.
