Thursday, April 18, 2024

Is-summit Ewropew dwar il-pjan ta’ rkupru jidħol fir-raba’ jum… Michel jipproponi aktar nuqqas fl-għotjiet

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-mexxejja Ewropej mistennija jerġgħu jiltaqgħu llum għall-ħabta tal-4.00 p.m. biex ikomplu jiddiskutu l-punti li għadhom mhumiex jaqblu dwarhom. Aktar kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-5.30 a.m., il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel laqqa’ lill-mexxejja u qalilhom li se jipproponi li l-pjan ta’ rkupru jagħti €390 biljun f’għotjiet. 

Dak il-ħin ma kien hemm ebda reazzjoni mill-mexxejja, filwaqt li għad hemm kwistjonijiet oħra li jridu jiġu risolti. Fil-fatt, matul il-ġurnata tal-bieraħ inqalgħu ħafna kwistjonijiet, fejn f’mument minnhom il-President Franċiż, Emmanuel Macron saħansitra ħareġ qatta’ bla ħabel kontra l-Kanċiller Awstrijakk Sebastian Kurz li ħareġ biex jirrispondi telefonata. 

Macron minnufih qal li għandu attitudni ħażina, fejn ma jismax lil ħaddieħor u ma jinteressahx minn ħaddieħor. Kurz jifforma parti mill-grupp ta’ pajjiżi magħrufin bħala frugal countries li qegħdin jimbottaw li jonqsu l-għotjiet ta’ flus u anke l-baġit għall-pjan ta’ rkupru. 

Dan hu wieħed mill-itwal summits fl-istorja tal-Unjoni Ewropea, iżda l-mexxejja Ewropej jidher li għadhom imwaħħlin minħabba l-kwistjoni ta’ kemm għandu jkun kbir il-fond għall-irkupru. Matul il-lejl komplew id-diskussjonijiet fi gruppi iżgħar u jidher li kien hemm xi żviluppi li jistgħu jressquhom għal kompromess. 

Michel talab lill-mexxejja biex iżommu f’moħħhom x’impatt kellha l-pandemija fuq iċ-ċittadini Ewropej u fuq id-dinja. Qal li l-kwistjoni hi jekk is-27 mexxej responsabbli għall-poplu Ewropew huma kapaċi jibnu għaqda u fiduċja fl-Ewropa. 

Ekonomija

Sport