Wednesday, October 14, 2026
Home Sport Isir l-ewwel US Kids Local Golf Tour f’Malta

Isir l-ewwel US Kids Local Golf Tour f’Malta

0
53

Madwar 52 tifel u tifla ta’ bejn is-6 u t-18-il sena ħadu sehem fl-ewwel kompetizzjoni tal-US Kids Local Tour li saret fir-Royal Malta Golf Club fil-Marsa.

Din il-kompetizzjoni, li hija miftuħa kemm għal plejers lokali kif ukoll internazzjonali, toffri opportunitajiet importanti lit-tfal u lill-golfers żgħażagħ biex jikkwalifikaw għal tournaments internazzjonali u jkomplu jiksbu aktar esperjenza f’dan l-isport. Il-US Kids Local Tours joperaw f’aktar minn 40 pajjiż, b’Malta issa wkoll tagħmel parti minn dan il-programm internazzjonali.

Matul is-snin, diversi golfers li llum jinsabu fost l-aqwa fid-dinja ħadu sehem f’avvenimenti tal-U.S. Kids Golf, fosthom Scottie Scheffler, Jordan Spieth, Justin Thomas, Brooks Koepka u Collin Morikawa. F’edizzjoni riċenti tal-U.S. Open kien hemm 50 plejer li kienu għaddew minn dan il-programm.

It-turnew f’Malta ġie organizzat mill-Koordinatriċi tal-BNF Junior Academy, Diana Suke, bl-appoġġ taċ-Chairman tar-Royal Malta Golf Club, Paul Stoner.

Sadanittant, BNF Bank, bħala Premium Partner tar-Royal Malta Golf Club u sponsor tal-Junior Academy, qed jappoġġja wkoll din l-inizjattiva u pprovda l-premjijiet lir-rebbieħa.

Ir-rebbieħa fost is-subien kienu Andre Lemire (6 snin u taħt), Albie Cleasby (7), Oliver Forsberg (8), Andrea Marchisio (9), Moss Haris Kiberu (10), Lorenzo Marchisio (11), Alex Mece (12), Laurent Sukys (13-14) u Maximillian Jagebo (15-18).

Fost il-bniet, ir-rebbieħa kienu Ines Suke (8 snin u taħt), Ellie Padidar (9-10), Grace Wang (11-12), Zishuo Wu (13-14) u Krista Formosa (15-18).

Din l-inizjattiva toffri opportunità importanti lit-talenti żgħażagħ tal-golf f’Malta biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u eventwalment ikollhom iċ-ċans li jikkompetu fuq livell internazzjonali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here