Id-dinja għadha għaddejja minn taqlib serju ekonomiku u politiku u qed tbati l-konsegwenzi taż-żewġ gwerer – ir-Russja kontra l-Ukrajna u l-Istati Uniti u Iżrael kontra l-Iran. Tal-ewwel ġabet magħha l-kriżi taż-żejt bl-attakki fuq l-impjanti tal-enerġija u tat-tieni intensifikat il-kriżi bl-gheluq tal-Istrett ta Hormuz.
Ħtija ta’ dawn iż-żewġ gwerer, li donnu ma jidhirx it-tmiem tagħhom fil-qrib, ekonomiji kbar li sa ftit ilu kienu tant b’saħħithom, illum il-ġurnata huma mifluġin taħt il-pressjoni kkaġunata mill-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Mhux biss, imma wkoll huma mħassbin dwar il-provvista.
F’din is-sitwazzjoni ġeopolitika bla preċedent, pajjiżna fiċ-ċokon tiegħu fejn jinsab? Din hija mistoqsija li r-risposta għaliha toħroġ b’mod ċar ħafna… dik li l-ekonomija ta’ Malta, minkejja l-gwerer u l-kriżijiet li ħolqu kważi f’kull pajjiż tad-dinja, baqgħet għaddejja.
M’aħniex ngħidu li pajjiżna ma sofriex mill-impatt ta’ dawn il-gwerer. Dan l-impatt jidher sew mill-miljuni kbar li l-gvern qed jonfoq biex jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija. Imma jirriflettu wkoll li l-ekonomija nazzjonali hi reżiljenti biżżejjed u qed tiflaħ għax-xokkijiet ekonomiċi internazzjonali.
Dan m’aħniex ngħiduh aħna imma qed isostnuh aġenziji awtorevoli ta’ kreditu li qed ikomplu jagħtu ċertifikati b’saħħithom lill-ekonomija ta’ pajjiżna. Għall-kuntrarju, l-istess aġenziji internazzjonali, bħalma hi d-DBRS, fix-xhur li għaddew niżżlet sew ir-rating ta’ pajjiżi Ewropej bħas-Slovakkja u Franza u tefgħet prospetti negattivi fuq ir-rating tal-Awstrija u tal-Polonja.
L-esperti tal-istess aġenzija internazzjonali kkonfermaw iżda r-rating ta’ pajjiżna A (High) Stable. Dan huwa l-aħjar rating li qatt ingħata pajjiżna minn din l-aġenzija.
Permezz tal-ekonomija Maltija, għax hi b’saħħitha, mhux biss il-Gvern seta’ jissussidja l-prezijiet tal-enerġija imma wkoll żied is-servizzi soċjali fosthom il-pensjonijiet, sena wara l-oħra, ma żied ebda taxxa ġdida filwaqt li naqqas it-taxxa fuq id-dħul għall-familji.
Fl-isfond ta’ dan kollu, jidher li l-budget għas-sena d-dieħla, li se jiġi ppreżentat fi ftit tal-jiem oħra, bħalma kienu budgets oħra, se jkun budget ieħor soċjali, li minnu jibbenefikaw diversi faxex tas-soċjeta Maltija.

