Tfal u żgħażagħ b’diżabilità fiżika jew viżiva qed jingħataw pjattaforma biex jegħlbu l-ostakli fl-isport hekk kif il-programm ta’ taħriġ ISPORT qed jespandi f’ISPORT+.
Imniedi erba’ snin ilu permezz ta’ kollaborazzjoni bejn The Malta Trust Foundation u l-Malta Paralympic Committee, ISPORT fil-bidu kien iffukat fuq tfal u żgħażagħ b’diffikultajiet fil-vista.
Permezz ta’ ftehim li qed jiġi ffirmat illum, ISPORT+ se jwessa’ l-opportunitajiet ta’ sport u taħriġ biex jinkludi wkoll persuni b’diżabilità fiżika, li mhux dejjem isibu l-opportunità li jipparteċipaw bis-sħiħ f’attivitajiet sportivi mainstream.
Il-fundatriċi u Chair ta’ The Malta Trust Foundation, Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li l-għan ta’ ISPORT+ huwa li jilħaq kemm jista’ jkun tfal u żgħażagħ u jagħtihom l-opportunità jiskopru x’jistgħu jiksbu permezz tal-isport.
“It-tiġdid tas-sħubija tagħna mal-Malta Paralympic Committee għal din il-fażi ġdida ta’ ISPORT+ huwa mument ta’ ferħ kbir għalina. Matul dawn l-aħħar erba’ snin ħloqna opportunitajiet importanti fl-isport għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità viżiva, u l-kunfidenza, il-ferħ u s-sens ta’ sodisfazzjon li kisbu huma l-akbar premju tagħna.

“Aħna determinati li nibnu fuq dak li ksibna u nkomplu nagħtu s-setgħa lill-parteċipanti tagħna b’diżabilità fiżika jew viżiva permezz tal-isport. Nittamaw ukoll li wħud minnhom xi darba jkunu fost il-para-atleti futuri ta’ Malta,” qalet is-Sinjura Coleiro Preca.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju Julia Farrugia qalet li ISPORT+ jirrifletti l-prinċipju li l-isport għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-abbiltajiet ta’ kull persuna.
“L-isport jista’ jagħti kunfidenza kbira liż-żgħażagħ u jgħinhom iħossuhom parti minn komunità. Kulħadd għandu jingħata l-opportunità mhux biss li jieħu sehem, iżda wkoll li jiżviluppa t-talenti tiegħu u jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu,” qalet is-Sinjura Farrugia.
Minn mindu tnieda, ISPORT bena komunità dejjem tikber ta’ atleti żgħażagħ, coaches, klabbs sportivi u familji li joffru l-appoġġ tagħhom.
Kollaborazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari mal-Federazione Italiana Nuoto Paralimpico (FINP), taw ukoll l-opportunità lil atleti Maltin b’diżabilità viżiva biex jibbenefikaw minn coaches internazzjonali li ġew Malta, taħriġ speċjalizzat u workshops għall-iżvilupp tal-ħiliet.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Malta Paralympic Committee, Julian Bajada, qal li waħda mill-prijoritajiet strateġiċi se tkun li jkompli jsir investiment fl-iżvilupp tal-coaches sabiex ikunu jistgħu jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-atleti.
Dan se jgħin biex kull parteċipant jingħata programm imfassal skont il-bżonnijiet tiegħu, f’ambjent inklussiv, sigur, professjonali u dinjituż.
“ISPORT+ huwa opportunità mill-aqwa għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità fiżika jew viżiva biex jinvolvu ruħhom fl-isport u fl-attività fiżika u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ u sinifikanti fis-soċjetà.
“Dan imur lil hinn mill-isport. Jgħin biex jinħoloq ambjent u mentalità li jħeġġu l-għajxien indipendenti, l-iżvilupp ta’ ħiliet soċjali tul il-ħajja u l-bini ta’ komunità. Il-Malta Paralympic Committee huwa grat ħafna lejn The Malta Trust Foundation talli baqgħet sieħba magħna f’kull pass ta’ din il-mixja li qed tkompli tevolvi,” qal Dr Bajada.
L-espansjoni ta’ ISPORT+ se tippermetti aktar investiment mhux biss fl-atleti u l-coaches, iżda wkoll fil-ġenituri, l-aħwa u fil-komunità sportiva usa’.
Huwa dan l-approċċ komprensiv li jagħmel lil ISPORT programm differenti, wieħed li jagħti s-setgħa lill-individwi u joħloq opportunitajiet biex kull persuna tkun tista’ tilħaq il-potenzjal tagħha.




