Għaddej ix-xogħol fuq żewġ ġonna fl-Imtarfa

Aqra wkoll

Fl-Imtarfa għaddej ix-xogħol fuq żewġ proġetti ta’ riġenerazzjoni li se jittrasformaw żewġ siti li ma kinux qed jintużaw fi spazji ħodor u rikreattivi għall-komunità.

Il-proġetti, immexxija minn Project Green b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa se joħolqu ġnien b’siġar tal-frott fuq medda ta’ madwar 3,000 metru kwadru u ġnien ieħor ta’ madwar 550 metru kwadru fiż-żona magħrufa bħala Depiro.

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli żaret iż-żewġ siti flimkien ma’ rappreżentanti ta’ Project Green u tal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa biex issegwi l-progress tax-xogħlijiet.

L-ewwel proġett jinsab fiż-żona tal-eks barracks tal-Imtarfa, fejn medda ta’ art ta’ madwar 3,000 metru kwadru qed tiġi riġenerata f’ġnien b’siġar tal-frott. Il-proġett se jżid b’mod sostanzjali ż-żona mħawla fis-sit u se joħloq ambjent naturali li jista’ jitgawda mir-residenti u mill-pubbliku.

Minbarra t-tħawwil tas-siġar, l-intervent jinkludi aktar bankijiet u għamara urbana, spazji għar-rikreazzjoni u attivitajiet edukattivi, kif ukoll ir-restawr tal-ġibjuni eżistenti li jiffurmaw parti mill-karatteristiċi storiċi tas-sit. Bħalissa f’dan is-sit qed isir ukoll xogħol mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Malli jitlesta, il-ġnien se joffri wkoll opportunità biex il-pubbliku jitgħallem aktar dwar is-siġar tal-frott u l-ambjent naturali.

Proġett ieħor qed jitwettaq fuq art magħrufa bħala Depiro, bejn id-Depiro Sports Complex, il-pjazza prinċipali tal-Imtarfa u blokok residenzjali. Is-sit ta’ madwar 550 metru kwadru, li għal diversi snin ma kienx qed jintuża, se jiġi trasformat fi spazju miftuħ modern u aċċessibbli.

Hawnhekk se jitħawlu siġar u arbuxxelli ġodda, se tinħoloq faċilità sportiva għall-basketball u se jiġu installati bankijiet u għamara urbana. Se jiġu installati wkoll arbli tad-dawl li jaħdmu bl-enerġija solari, sabiex l-ispazju jkun jista’ jintuża b’mod aktar sigur u aċċessibbli anke filgħaxijiet. Il-proġett qed jitwettaq b’koordinazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa u d-Depiro Sports Complex.

“Fl-Imtarfa qed nagħtu ħajja ġdida lil żewġ spazji li għal snin twal ma kinux qed jintużaw, u qed nibdluhom f’postijiet li se jservu direttament lill-komunità. F’sit minnhom se jinħoloq ġnien b’madwar 160 siġra tal-frott, filwaqt li fl-ieħor qed ngħaqqdu aktar natura ma’ spazju għall-isport u r-rikreazzjoni. Dan huwa l-għan tal-investiment tagħna: li nġibu aktar spazji ħodor viċin fejn jgħixu n-nies u noħolqu ambjenti ta’ kwalità għat-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Iż-żewġ proġetti ġew ippjanati biex jgħaqqdu aktar elementi ambjentali ma’ faċilitajiet li jistgħu jintużaw mill-komunità, filwaqt li jiġu rispettati l-karatteristiċi partikolari ta’ kull sit.

“Permezz ta’ dawn il-proġetti, Project Green qed tkompli tinvesti fit-trasformazzjoni ta’ spazji eżistenti f’żoni aktar ħodor, aċċessibbli u ta’ benefiċċju għall-komunità. L-interventi jiffukaw fuq aktar veġetazzjoni, titjib fl-infrastruttura u l-ħolqien ta’ spazji għar-rikreazzjoni u l-mistrieħ, bil-għan li noħolqu ambjenti ta’ kwalità li jistgħu jitgawdew mir-residenti u l-familji,” qalet Liana Saliba Gazzano, il-Kap tal-Implimentazzjoni tal-Proġetti min-naħa ta’ Project Green.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport