Tuesday, April 30, 2024

“Issa li temmejtu l-vjaġġ hawnhekk, se jibda ieħor hemm barra”

Il-President Vella lill-persuni li temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni mmexxi mill-FSWS

Aqra wkoll

“Issa li temmejtu l-vjaġġ hawnhekk, se jibda ieħor hemm barra”, qal il-President George Vella lill-gradwati ta’ programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga f’ċerimonja li saret ilbieraħ fil-Jum Dinji Kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar tad-Droga.

Huwa ħa l-opportunità biex jifraħ personalment lill-ħames persuni f’jum il-gradwazzjoni għall-kuraġġ, ir-reżiljenza u s-suċċess li jtemmu programm ta’ 14-il xahar ta’ riabilitazzjoni mid-droga fil-Komunità Santa Marija mmexxija mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). Dan filwaqt li ħeġġiġhom biex iżommu f’moħħhom it-tbatija li għaddew minnha biex waslu s’hawn u jħalluha tixprunahom biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.

Il-President Vella qal li bħala soċjetà, hemm bżonn li nuru aktar empatija u napprezzaw li l-ħajja toffri sfidi lil kulħadd. “Soċjetà li taf tagħder u tħenn hija tassew il-pedament ta’ kull suċċess li pajjiż jista’ jikseb,” stqarr il-President waqt li rrefera għall-istrutturi leġiżlattivi u amministrattivi li jgħinu sabiex jinxtered l-għarfien dwar id-dipendenzi u kif persuna fil-bżonn tikseb l-għajnuna f’qasir żmien. “Bl-istess mod, il-qafas legali u ġuridiku jrid iservi ta’ sostenn għal dawk li għandhom bżonn, u fl-istess waqt ta’ deterrent għal oħrajn li b’xi mod jagħmlu profitt jew deni mid-dgħufija ta’ ħaddieħor,” qal il-President Vella.

Filwaqt li sellem lill-Aġenzija Sedqa u l-professjonisti kollha li jaħdmu fil-Komunità Santa Marija, il-President George Vella nnota b’sodisfazzjon li l-programm jibqa’ joffri kura u appoġġ anke meta l-gradwati jtemmu b’suċċess il-programm ta’ riabilitazzjoni.

“Din il-kura hija estiża wkoll għall-familji ta’ dawn il-persuni, u din hi essenzjali biex huma wkoll jifhmu l-proċess ta’ trasformazzjoni li jsir f’din il-Komunità. Din hija ċ-ċavetta li biha tiftaħ is-sens ta’ empatija li jgħin lil min ħa l-kura jħossu mifhum u miġjub. B’hekk l-individwu jibda jerġa’ jgħix ħajtu b’serenità u serħan tal-moħħ,” temm jgħid il-President.

Sport