Monday, December 9, 2024

Issa li Trump huwa kkonfermat President tal-Istati Uniti : X’nistennew fl-ewwel 100 jum tiegħu …

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-aħbar li n-negozjant u eks President tal-Istati Uniti, reġa’ rebaħ l-elezzjoni Amerikana ġabet magħha diversi reazzjonijiet. Li huwa żgur huwa li l-maġġoranza tal-poplu Amerikan iriduh fuq it-tmun tal-White House. Dan għamluh għall-wegħdiet elettorali tiegħu u fuq ix-xewqa li l-Amerika ssir, għal darb’oħra, pajjiż b’saħħtu. B’kuntrast però, hemm min ma ħax pjaċir li minn Jannar li ġej Trump se jkun fit-tmexxija tal-Istati Uniti.

Tant hemm sentiment “negattiv” fir-rigward li kumpanija tal-cruise liners saħansitra wasslet biex toffri vjaġġ ta’ erba’ snin lill-Amerikani li ma jridux ikunu f’pajjiżhom għat-tieni terminu ta’ Trump. 

Il-kumpanija bbażata fi Florida “Villa Vie Residences” riċentement ħabbret programm li jista’ jkun twil erba’ snin, li fih iżuru 140 pajjiż imma “jevitaw” lill-Istati Uniti. Il-prezzijiet għal dawn il-vjaġġi jibdew minn €38,000 kull sena f’kabina ta’ persuna waħda u jitilgħu sa bejn €243,000 sa €303,000 għal kabina doppja għal vjaġġ twil erba’ snin.

L-idea, skont l-organizzaturi, mhiex frott ta’ opinjoni politika iżda faċilità għall-persuni li jħossuhom mhedda u b’hekk qegħdin joffru mezz biex ikunu jistgħu “jaħarbu”.

Din hija l-estremità tas-sentiment negattiv li hemm fost uħud miċ-ċittadini u kumpaniji Amerikani lejn tmexxija tas-super potenza min-negozjant kontroversjali, Donald Trump. Però, minkejja li anke kien vittma ta’ attentati fuq ħajtu u huwa kkritikat ħafna, dan l-eks President Amerikan dan ix-xahar irnexxielu jerbaħ bil-kbir l-elezzjoni Presidenzjali u issa ħafna qegħdin jistennew li jwettaq il-wegħdiet tiegħu. 

Iżda, x’nistgħu nistennew li jagħmel Trump fl-ewwel 100 jum tat-tmexxija tiegħu?

Il-famuż ħajt…

Il-President elett Donald Trump u l-alleati tiegħu diġà artikolaw pjan ambizzjuż għall-ewwel 100 jum fit-tmexxija tal-White House. Waħda mill-aktar mossi kontroversjali ta’ Trump huwa l-famuż ħajt mal-konfini tal-Messiku li bih irid iwaqqaf milli jidħlu fl-Istati Uniti aktar immigranti illegali. F’din il-kampanja elettorali mhux biss reġa’ ssemma’ dan il-ħajt imma anke d-deportazzjoni ta’ dawk l-immigranti illegali u bi storja kriminali li diġà daħlu f’dan il-pajjiż. Il-poplu Amerikan din iridha u dan b’mod speċjali minħabba kriminalità esperjenzata anke bi sparaturi tal-massa fl-iskejjel.

Issa li Trump jaf li mill-20 ta’ Jannar 2025 se jkun jista’ jordna tali “tkeċċija” jew “tindif” ta’ immigranti illegali, diġà wiegħed li lest juża l-militar biex joħroġ fi kwantitajiet kbar l-immigranti inkwistjoni. Dan ħabbru fuq il-midja soċjali, mezz ta’ komunikazzjoni li Trump verament iħobb juża. Fil-messaġġ tiegħu huwa qal li lest għal deportazzjoni tal-massa għall-immigranti kollha li m’għandhomx id-dokumenti meħtieġa biex jibqgħu jgħixu u jaħdmu fl-Istati Uniti.

Din l-operazzjoni militari hija msejħa għall-hekk deskritta bħala “emerġenza nazzjonali”. Fil-kampanja elettorali Trump kemm-il darba saħaq li se jsejjaħ lill-gwardji nazzjonali biex jassistu lill-uffiċċjali għall-infurzar tal-immigrazzjoni (ICE), l-aġenzija federali li tieħu ħsieb id-deportazzjonijiet. Trump min-naħa tiegħu aġġorna lill-elettorat b’din id-deċiżjoni hekk kif hemm min diġà qiegħed jiddubita jekk huwiex se jżomm kelmtu fir-rigward. 

Trump però jidher deċiż li jimxi skont il-pjan li fih wiegħed li mill-ewwel ġurnata fil-Kamra Ovali, jekk mhux mill-ewwel ftit sigħat, huwa se jagħlaq il-konfini tal-Istati Uniti mal-Messiku u jagħti bidu għall-akbar operazzjoni ta’ deportazzjoni fl-Istorja Amerikana. Tajjeb li nsemmu li fl-ewwel leġislatura ta’ Trump, 70,000 immigranti f’ażil kienu deportati lura lejn il-Messiku. 

Wegħda oħra elettorali hija dik li jneħħi d-dritt taċ-ċittadinanza bit-twelid, prinċipju li ilu fis-seħħ 150 sena li kien jistipula li kull min jitwieled f’art Amerikana, isir ċittadin Amerikan.

Dak li kien ġara fil-Capitol fl-2021

u s-sentenzi mogħtija lil min ipparteċipa…

Fid-diskors tar-rebħa elettorali Donald Trump ma semma’ xejn dwar maħfriet presidenzjali iżda għal żmien twil indika li għalih se tkun prijorità li jaħfer lid-dimostranti li kienu daħlu bil-forza fil-Capitol lura fl-2021. Protesta li ħafna jsostnu kien inċita l-istess Trump. 

Huwa kien ikkowtat jgħid fir-rigward li, “iva, assolutament naħfrilhom. Jekk huma innoċenti, jien nagħtihom il-maħfra presidenzjali”. Fuq is-CNN Trump kien elabora li lest li jaħfer lill-maġġoranza tas-sostenituri tiegħu li pprotestaw fil-Capitol għajr xi ftit li minn kliemu “setgħu tilfu l-kontroll tagħhom infushom”. 

F’dan “l-irvell” kienu ġew arrestati aktar minn 1,500 persuna u aktar minn 750 minnhom ingħataw sentenza ħabs b’akkużi kriminali li jinkludu dħul bla permess, attakk fuq uffiċjali tal-pulizija u konfoffa. Mossa oħra mistennija minn Trump fl-ewwel jiem fir-rwol ta’ President tal-Istati Uniti hija t-tkeċċija tal-prosekutur Jack Smith li ħareġ akkużi kontrih.

L-alleat biljunarju ta’ Trump, Elon Musk kiteb fil-midja soċjai li, “l-abbuż tas-sistema ġustizzjarja minn Jack Smith ma jistax ma jiġix ikkastigat”. Filwaqt li l-istess Smith huwa rrapportat li beħsieb jirreżenja mill-pożizzjoni tiegħu qabel ma’ Trump isir il-President tiegħu, li huwa żgur huwa li jekk ma jitlaqx minn jeddu, kemm Trump kif ukoll Musk huma lesti li jqaċċtuh ‘il barra.

Il-ftehm tal-klima ta’ Pariġi

Fost affarijiet oħra mistennija hemm il-ping pong tal-ftehim tal-klima ta’ Pariġi. Fil-kampanja elettorali tal-2016 Trump kien għamel prijorità għall-irtirar minn dan il-ftehim u fil-fatt fi żmien sitt xhur li ġie elett bħala President, l-Istati Uniti ħarġet minn dan il-ftehim storiku. Imbagħad meta Biden tela’ fit-tmexxija, kien kiteb ittra li fiha talab li l-Istati Uniti terġa’ tingħaqad f’dan il-ftehim. Dan għamlu fl-ewwel jum li kien fit-tmun tal-pajjiż. 

Issa li Trump se jerġa’ jieħu r-riedni f’idejh ħadd ma jaf x’se jiġri minn dan il-ftehim. Però, rapporti fil-midja qegħdin jindikaw li t-tim ta’ Trump diġà qegħdin jippreparaw ordnijiet biex għal darb’oħra jirtiraw minn dan il-ftehim favur il-klima globali. Dan ikun ifisser li l-Istati Uniti ma tkunx aktar obbligata li tkun konformi mat-tnaqqis tal-emmissjonijiet tal-karbonju. 

Kuntrarjament Trump qal li jrid jipprijoritizza l-produzzjoni Amerikana taż-żejt u l-gass fejn fuq il-Fox News ġie kkwotat jgħid, “se nħaffru, se nħaffru u se nħaffru”. Trump ikkritika l-pjanijiet tal-amministrazzjoni ta’ Biden li jespandu l-enerġija derivata mir-riħ u ż-żieda fil-produzzjoni tal-karozzi tal-elettriku. Fil-fatt, dawn ukoll mistennija li jkun fuqnett tal-aġenda ta’ prijoritajiet fl-ewwel jiem tat-tmexxija tal-amministrazzjoni l-ġdida tiegħu.

Ir-Russja u l-Ukrajna

Hekk kif din il-ġimgħa t-tensjonijiet eskalaw b’mod perikoluż ħafna bl-użu mill-Ukrajna ta’ missili milli l-Istati Uniti, il-problema li tista’ twassal għat-Tielet Gwerra Dinjija, żgur li se tkun fuq l-aġenda tal-ewwel 100 jum ta’ Trump. L-istess Trump li fil-kampanja elettorali b’kunfidenza totali qal li jekk ikun elett, huwa se jwaqqaf dan il-konflitt. Tant huwa hekk li wiegħed li se jsolviha mill-“ewwel jum”.

Trump għal żmien twil u b’mod konsistenti, ikkritika s-sostenn kontinwu tal-gvern Amerikan lill-Ukrajna. Għalkemm għadu ma qalx fid-dettal kif se jinnegozja biex tieqaf il-Gwerra fl-Ukrajna, huwa wiegħed li se jgħin liż-żewġ pajjiżi biex jilħqu ftehim. Minn mindu Trump reġa’ ġie elett bħala President tal-Istati Uniti, huwa tkellem fuq it-telephone għal nofs siegħa mal-President Ukren Volodymyr Zelensky. Għal din it-telefonata kien hemm preżenti Elon Musk. 

Sadanittant il-Kremlin ċaħad li Trump kellu telefonata ma’ Vladimir Putin. Dan minkejja li rapporti fil-midja qalu li Trump wissa lill-President Russu biex ma jeskalax il-gwerra mal-Ukrajna. Wara l-attakki ta’ din il-ġimgħa f’territorju Russu b’armi mogħtija mill-Istati Uniti lill-Ukrajna, sorsi mill-Kremlin ħabbru li Putin huwa lest jiddiskuti waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna ma’ Donald Trump. Dan jagħti tama ġdida hekk kif din il-ġimgħa s-sitwazzjoni eskalat bi twissijiet ta’ ritaljazzjoni nukeari.

In-negozju u l-ekonomija…

‘Biex nerġgħu nagħmlu l-Amerika pajjiż kbir’

L-ekonomija hija kwistjoni li Trump saħaq fuqha ħafna fil-kampanja elettorali tiegħu fejn wiegħed li se jtemm l-inflazzjoni ladarba jkun President. Hawn qal li se jkollu fil-mira l-affordabilità tal-karozzi u l-akkomodazzjoni fost affarijiet oħra. “Se nagħti struzzjonijiet lill-kabinett tiegħi u nistenna li nara riżultati sal-ewwel 100 jum jekk mhux qabel,” insista Trump. Huwa qal li se jiffirma ordni eżekuttiv li jagħti direzzjoni lil kull segretarju tal-kabinett u aġenziji biex jużaw kull għodda u awtorità mogħtija lilhom biex jegħlbu l-inflazzjoni u biex iraħħsu l-prezzijiet għall-konsumatur.

Il-pjan ta’ Trump jinkludi tariffi fuq prodotti importati b’mod speċjali dawk miċ-Ċina bl-għan li dawn it-taxxi jagħtu stabbiltà l-impjiegi fis-settur tal-manifattura tal-Istati Uniti. Huwa wiegħed ukoll li t-tariffi tiegħu se jimmiraw ukoll lill-Messiku. Wegħda oħra hija dik li jtemm “il-gwerra ta’ Biden u Harris fuq l-enerġija Amerikana” billi jżid it-tħaffir għaż-żejt ħalli jnaqqas il-prezz tal-enerġija għall-konsumaturi. Settur ieħor li mistenni jmur tajjeb taħt Trump huwa dak tal-cryptocurrency. Fil-fatt minħabba li din l-amministrazzjoni l-ġdida hija favur il-flus f’forma diġitali, meta dan in-negozjant ta’ suċċess ġie elett, il-valur tal-Bitcoin tela’ bi 30% f’perjodu ta’ ftit ġranet.

“Title X” u l-abort

Trump mistenni jkompli jibdel dak li għamel Biden

Donald Trump wiegħed li se jirrevoka t-tibdil li għamel il-President Biden lil “Title X”, l-unika programm nazzjonali tal-pajjiż għall-ippjanar tal-familja sostnut b’fondi federali. Fl-2019 waqt l-ewwel terminu tiegħu l-amministrazzjoni ta’ Trump implimentat regola ġdida li tipprojbixxi lill-provdituri tas-servizzi tas-saħħa fl-istruttura ta’ Title X milli jsemmu l-abort lill-pazjenti u dan ane jekk l-istess pazjenti jagħmlu mistoqsijiet fir-rigward.

Dan it-tibdil se jneħħi introjtu ta’ mijuni ta’ ewro lill-organizzazzjonijiet fosthom il-Planned Parenthood li toffri u tifferi pazjenti għall-abort. Meta Biden kien tela’ bħala President fi żmien ftit xhur kien irrevoka din il-bidla. Issa li Trump se jkun uffiċjalment bil-portafoll ta’ President tal-Istati Uniti f’Jannar li ġej, huwa mistenni li jerġa’ jibdel dawn ir-regolamenti.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport