Friday, December 13, 2024

LEJN TURIŻMU TA’ KWALITÀ

Aqra wkoll

L-aħħar budget li ġie ppreżentat, tefa’ direzzjoni fejn jidħol it-turiżmu. Settur li fuqu ilna snin twal nisimgħu fejn kienu diversi dawk li saħqu matul is-snin biex inmorru għal kwalità aktar minn kwantità. Ittieħdu miżuri matul is-snin minn gvernijijiet differenti.  

Budget li issa  qed joffri pedament sod għal ekonomija reżiljenti. Din issa hi mfassla biex tadatta u tirnexxi minkejja l-isfidi fuq livell globali. Dan hu importanti għax b’ekonomija reżiljenti  jissaħħaħ it-turiżmu għax jinħoloq ambjent fejn is-servizzi ta’ kwalità, l-inizjativi ekoloġiċi u l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol jistgħu jiffjorixxu.

Dan hu baġit li jintroduċi finanzjament sostanzjali għal infrastruttura sostenibbli, trasport u indafa pubblika, biex ikun żgurat li s-siti ta’ wirt storiku, l-ispazji pubbliċi u l-faċilitajiet turistiċi mhux biss ikunu aċċessibbli u attraenti iżda wkoll f’linja ma’ prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. F’dan il-budget rajna żieda fil-budget allokat għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll l-impenn tal-Gvern li jiffoka fuq il-kwalità milli l-kwantità. 

It-turiżmu f’pajjiżna iservi bħala mezziabiex bosta Maltin isibu mpjieg li tahom lok li jimirħu fil-karriera tagħhom.  It-turiżmu dejjem kien jitkejjel skont in-numru ta’ turisti li jiġu Malta. Dan għax żieda fit-turisti kienet tintrabat ma’ żieda fl-impjiegi fis-settur.  Wara s-suċċess bit-turiżmu fis-sajf irnexxielna wkoll nibdew nattiraw turisti fix-xhur li mhux normalment assoċjati mas-safar. Kien hawn żmien fejn  ir-ristoranti, lukandiera u negozji li joffru servizzi turistiċi ma bdewx isibu ħaddiema Maltin. Kellhom  jirrikorru għal ħaddiema barranin.  

Fis-settur tal-ospitalità, titjib fil-valur miżjud jirrikjedi ħidma konġunta mill-operaturi kollha. Traskuraġni jew nuqqas ta’ karezzi fis-servizz mogħti minn restorant jew lukanda partikolari tista’ ttappan ir-reputazzjoni tas-settur sħiħ.  Għalhekk huwa importanti li niġbdu ħabel wieħed jekk irridu li nattiraw turisti ta’ kwalità li jifilħu jħallsu iktar u b’hekk niżguraw is-sostenibilità taż-żidiet fil-pagi.  Il-Gvern  hu konxju minn din l-isfida li qed jaffaċċja dan is-settur u nieda l-iSkills Pass mandatorju sabiex jiżgura li kull ħaddiem ikollu l-ħiliet bażici sabiex iwettaq xogħolu b’suċċess u jilqa lit-turist bl-aħjar mod possibli.  

Nemmnu li hemm bżonn iniżjattivi u aktar ħidma biex nattiraw turiżmu ta’ kwalità.  Hemm bżonn li dawk involuti  fil-qasam turistiku jkollhom pjani aktar dettaljati sabiex iħajru lil ħaddiema jkomplu bil-karriera tagħhom magħhom, inkluż speċjalment b’miżuri għal bilanċ aħjar bejn il-ħidma fuq il-post tax-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiem.   

Nemmnu li hu importanti li naraw u nagħfsu fuq il-kwalità ta’ dawk involuti. Mill-kbir saż-żgħir. Illum il-kompetizzjoni hi kbira. Ma nistgħux naqgħu lura. Għalhekk illum aktar minn qatt qabel irridu nħarsu lejn il-kwalità.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport