Monday, December 9, 2024

“Stennejt li l-prezzijiet tal-ikel imorru qrib ta’ kif kienu qabel il-mewġa ta’ inflazzjoni … dan ma sarx”

... Xirja ikel u affarijiet għad-dar għoliet bi 22%

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Stennejt li wara li jgħaddu l-ewwel effetti tal-gwerra fl-Ukrajna u wara li bdejna nisimgħu lill-burokratiċi fl-Unjoni Ewropea jitkellmu fuq kif qegħdin jitrattaw l-inflazzjoni biex din tonqos, stennejt li meta tonqos l-inflazzjoni tonqos u terġa tiġi fil-livell li kienet, kienet se tfisser li l-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel u prodotti oħra sanitarji jerġgħu imorru jekk mhux għal inqas kif kif kienu qabel il-mewġa ta’ inflazzjoni, allinqas ikunu qrib. Kif tista’ tara, b’għajnejk, il-prezzijiet illum baqgħu għoljin. Veru li m’għadhom x’jiżdiedu kif kienu qegħdin jiżdiedu fil-bidu tal-gwerra, fejn bdejna naraw prodott wara ieħor jinbidel fil-prezz. Minkejja li mhux jiżdiedu l-prezzijiet huma ħafna aktar għaljin minn kemm kienu qabel bdiet il-mewġa. Xirja li kienet tiġini €118.74, illum qiegħda tiġini €145.33. Dan ifisser 22 fil-mija aktar”. 

Dan hu l-kumment li għaddielna anzjan li jgħixu ma’ martu u x-xirja li jagħmlu kultant żmien hi għal tnejn minn nies. Fi kliemu stess, “din hi xirja li nagħmluha minn ħanut partikolari, għax imbagħad għandna prodotti oħra li nixtruhom kull x’ħin jinqala’ l-bżonn. Huma ftit il-prodotti li raħsu jew baqgħu l-istess prezz”, jirrimarka l-anzjan. 

Qisu f’4 snin…..il-prezzijiet għolew bejn 26 u 27 fil-mija

IT-TORĊA tkellmet ma’ sid ta’ ħanut tal-merċa. Jgħidilna li “l-prezzijiet tal-prodotti għolew illum induna biha kulħadd. L-ewwelnett, eija ngħidu mill-ewwel li fl-aħħar erba’ snin ġraw avvenimenti straordinarji fid-dinja li affettwaw mhux lilna biss imma d-dinja kollha. Kellek pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna.

Fl-aħħar erba’ snin kellu perjodi fejn il-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel bdew jogħlew b’mod kontinwu. Qed nitkellem fuq ammont kbir ta’ prodotti. Aħna bil-ħwienet konna u għadna niffaċċjaw it-tgergir tan-nies.  Nikkalkula li fl-aħħar erba’ snin, il-prezzijiet tal-ikel għolew bejn 26 u 27 fil-mija.

L-aġenti u l-kumpaniji, għax jien u dawk bħali konna ngergru magħhom, dejjem kellhom risposta għal ilmenti tagħna. Isemmulek iż-żieda fl-ispiża tal-operat. Isemmulek b’ċerta insistenza  l-interruzzjoni fil-produzzjoni, distribuzzjoni u bejgħ ta’ ċertu prodotti. Dan sar l-aktar minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.”

“Meta jsemmulek l-interruzzjoni fil-produzzjoni u distribuzzjoni ir-raġuni li jattribwixxu għal dan hemm għal maltemp li jaħkem żoni diversi madwar id-dinja u anke mard li jaffettwa tkabbir ta’ prodotti agrikoli jew fl-irżiezet. 

Quddiem sitwazzjoni ta’ inċertezza, bħal dik li bdiet toħloq il-gwerra fl-Ukrajna, kellek kumpaniji multi nazzjonali kbar u kumpaniji oħra li laqgħu għal dawn il-kundizzjonijiet volatili billi ddeċidew li jżidu l-profitabbilità u b’hekk żdiedu l-prezzijiet.

M’għamlux hekk biss għax kien hemm anki min għamel aġġustament fil-prezzijiet bħal meta jħallu l-istess prezz imma jnaqqsu l-volum li jkun fih dak il-prodott partikolari” jgħidilna sid il-ħanut.

L-ispiża tal-operat żdiedet….’allura l-prezzijiet se jogħlew”

IT-TORĊA tkellmet ukoll ma’ rappreżentant ta’ kumpanija li timporta għadd ta’ prodotti tal-ikel. Jispjegalna li “faċli wieħed jipponta is-swaba. Mhux qed ngħid li ma kienx hemm min ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni u dan billi ipprova jew jagħmel tajjeb għall-mod kif ġie affettwat id-dħul finanzjarju mill-Covid jew inkella biex jilqa’ għas-sitwazzjoni ta’ inċertezza. 

L-ispiża tal-operat fl-aħħar snin ibda mill-ispiża tal-bdiewa u ibqa’ sejjer lejn l-ispiża ta’ produzzjoni u distribuzzjoni, dawn kollha raw żieda fl-ispiża. Nitkellem ma’ kumpaniji barranin fuq dak li qed jiġri għax aħna ma niħdux gost ikollna ngħollu l-prodotti. Aħna inbiegħu irridu.

Meta titkellem magħhom jgħidulek li per eżempju l-prezz tad-dijżil, anke minħabba żieda fid-domanda, żdied bi 22 fil-mija fl-aħħar erba’ snin. Dan konfermat mill-US Energy Information Administration. Kellek żmien fejn il-prezz tal-qamħ beda jiżdied ukoll”.

“Kellek żminijiet fejn żoni madwar id-dinja intlaqtu minn nixfiet. Minħabba l-inflazzjoni kellek miżura li ttieħdet mill-banek li affettwat ħażin u din kienet iż-żieda fir-rata ta’ interessi. Din affettwat ħażin il-produzzjoni ta’ annimali għal konsum.  Hu per eżempju prodotti li fihom iċ-ċikkulata. Dawn għolew sostanzjalment għax il-prezzijiet tal-kawkaw żdiedu bil-kbir.”

Jgħidilna li “d-domanda li kienet qiegħda ssir kienet li setgħu jibqgħu jgħollu l-prezzijiet? Kieku baqgħu għaddejjin hekk li kien jiġri kien li jaffettwaw il-bejgħ. Li ġara wara kien imbagħad miżuri fejn bdew jibdlu il-volum ta’ kontenut. Beda jkun hemm bidliet marbutin mal-ippakkeġġjar, b’pakketti  iżgħar per eżempju. Oħrajn naqqsu l-ammont ta’ kontenut ta’ dak il-prodott partikolari.”

Jgħidilna li “aħna inġibu kollox minn barra u bilfors niġu affettwati. Irrid ngħid imma li l-fatt li kellek kontijiet tal-enerġija stabbli, dan bħala involuti fin-negozju nafu li jkollu effett pożittiv fuq in-nies fis-sens li d-domanda domestika tibqa’ waħda qawwija u qed tibqa’ tikber.  Dan pożittiv, għalkemm hemm il-punt ekonomiku li żieda fid-domanda twassal għal pressjoni fuq prezzijiet”

 Inflazzjoni ta’ 2.5 fis-sena 2024 u  2.1 fil-mija fis-sena 2025

Il-Ministeru tal-Finanzi, jgħid li minkejja l-isfidi kollha li għaddejjin madwar id-dinja u l-isfidi miżjuda riżultat tal-insularita li tkun gżira, pajjiżna esperjenza l-akar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea fis-sena 2023. Għalkemm il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tagħmel pressjoni biex dawn is-sussidji jinqatgħu, dan il-gvern jemmen li l-poplu m’għandux għalfejn ibati id-daqqa ta’ dak li qiegħed jiġri madwarna.

M’aħniex nagħmlu dan biex immorru kontra dak li tirrakkomanda l-Unjoni Ewropea jew biex nuru kem għandna rasta iebsa, iżda għax sforz l-għaqal u l-ġidma ta’ dan il-Gvern, issa qegħdin naħsdu l-ġid li żrajna. Is-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija hi mbassra li tikber b’4.3 fil-mija f’termini reali u b’7.0 fil-mija f’termini nominali.

Id-domanda domestika mistennija tibqa’ l-mutur  ewlieni tat-tkabbir ekonomiku b’kontribut ta’ 3.4 fil-mija. L-inflazzjoni mistennija tbatti għal 2.5 fis-sena 2024 u 2.1 fil-mija fis-sena 2025. Il-kumpens għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla se jkun ta’ €5.24 fil-ġimgħa.  Il-Paga Minima Nazzjonali se tiżdied b’€8.24 fil-ġimgħa u se tilħaq €221.78 fil-ġimgħa.”

Ta’ min jgħid li kienet iddaħħlet l-iskema Stabbilità li fiha kien hemm ammont ta’ prodotti essenzjali li traħħsu fil-prezz. 

L-inflazzjoni f’Malta reġgħet għoliet bi ftit…. minn Lulju ‘lhawn ir-rata ta’ Malta qabżet il-medja Ewropea u taż-Żona Ewro

Jekk wieħed ikollu janalizza ir-rata ta’ inflazzjoni f’Malta isib li minn wara Lulju, kien hemm bidla fix-xejra u dan għax ir-rata ta’ inflazzjoni f’Malta bdiet tkun ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea u għola mill-medja taż-Żona Ewropa. Filfatt ir-rata ta’ Lulju ta’ din is-sena kienet ta’ 2.3 fil-mija metą dik taż-Żona Ewro kienet ta’ 2.6 fil-mija u l-medja tal-Unjoni Ewropea kienes ta’ 2.8 fil-mija. 

Għax-xahar ta’ Ottubru, ir-rata ta’ inflazzjoni f’Malta kienet ta’ 2.4 fil-mija, jiġifieri żieda ta’ 0.3 fil-mija aktar mix-xahar ta’ qabel. Ir-rata ta’ Ottubru hi l-istess bħar-rata li pajjiżna kellu f’Awwissu. Dawk li l-aktar li kkontribwixxew għal inflazzjoni kienu l-prezzijiet ta’ servizzi, prodotti tal-ikel, l-alkohol, tabakk u prodotti industrijali. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport