Tuesday, May 14, 2024

“Issa mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti u nwettqu dak meħtieġ biex inħaddmu l-Malti tajjeb”

Il-President George Vella

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta George Vella qal li issa wasal iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti u jitwettaq dak kollu meħtieġ biex inħaddmu l-ilsien Malti tajjeb. Fil-konferenza “L-ilsien Malti għal qalbi – Konferenza dwar l-użu ta’ lsienna fostna”, li għaliha attendew persuni f’pożizzjonijiet maniġerjali u amministrattivi fis-settur pubbliku, il-President Vella fakkar li fil-ħidma tagħna biex inħaddmu l-ilsien Malti b’mod tajjeb ma rridux ninsew il-vantaġġi li jgawdi pajjiżna mill-bilingwiżmu.

“Ħadd mhu jgħid li għandna nwarrbu l-bilingwiżmu. Ejja nużaw iż-żewġ lingwi differenti fil-ħin opportun u b’mod korrett. Nappella lil kull min qiegħed fl-amministrazzjoni biex jintuża Malti tajjeb”, stqarr il-President Vella. Il-President tkellem dwar l-importanza li partikolarment il-media tagħraf tuża Malti tajjeb biex filwaqt li l-lingwa tibqa’ ħajja u tkompli tiġi żviluppata, ma tinbidilx bla kontroll.

Is-Sur Kit Azzopardi, f’isem l-għaqdiet tal-Malti, spjega kif din il-konferenza saret bil-għan li tinforma u tħeġġeġ lil min tassew jista’ jagħmel id-differenza. “Sabiex inġibu bidla fil-kultura u fl-attitudni li biha nħarsu lejn il-lingwi, jeħtieġ ir-rieda politika u eżekuttiva. Inutli ssir ir-riċerka u inutli jiġu żviluppati riżorsi ġodda u eċċellenti, jekk intom ma tkunux konxji tagħhom jew tibqgħu tinsistu fuq realtà monolingwi”, qal is-Sur Azzopardi waqt li esprima tħassib li l-ilsien Malti se jibqa’ jmur minn taħt.

Matul il-konferenza saru preżentazzjonijiet dwar il-psikoloġija tal-komunikazzjoni; il-lingwa, l-aċċessibbiltà, u l-inklużjoni; il-Malti f’Malta u l-amministrazzjoni pubblika; il-Malti fl-Unjoni Ewropea u għajnuniet lingwistiċi diġitali; u l-lingwa tas-saħħa u s-saħħa tal-lingwa.

Fil-ftuħ tal-konferenza tkellmu wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, id-Deputat Speaker David Agius, u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Kultura u l-Arti Julie Zahra.

Din il-konferenza hija parti mill-kampanja nazzjonali ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ b’kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-President u seba’ għaqdiet tal-Malti b’risq il-lingwa Maltija.

L-għaqdiet involuti f’din il-kampanja nazzjonali huma l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, l-Akkademja tal-Malti, l-Għaqda tal-Malti – Università, l-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti, Inizjamed, u l-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti.

Sport